Sens qawwi ta’ konsensus bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-GWU dwar x’jeħtieġ li jsir f’pajjiżna sabiex kull persuna verament timxi ‘l quddiem – qbil li għandu jkun hemm qabża fil-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali.
Din id-diskussjoni saret waqt laqgħa ftit jiem biss qabel il-preżentazzjoni tal-Budget, sabiex il-GWU tippreżenta l-proposti tagħha lill-PN.
Bernard Grech qal li l-kwalità tal-ħajja ma tista’ qatt tmur għall-aħjar jekk pajjiżna jibqa’ bla pjan ċar u fit-tul. U fost l-oħrajn, semma’ l-ħtieġa li l-popolazzjoni tikber b’mod sostenibbli filwaqt li l-politiċi jifhmu x’jeħtieġlu l-pajjiż.
Iżda minkejja l-isfidi hemm ukoll l-opportunitajiet; opportunitajiet li pajjiżna għandu jutilizzahom. Il-Kap tal-PN fakkar li l-problemi f’pajjiżna jeħtieġu li jiġu indirizzati minnufih għaliex jekk ma jsir xejn dawn se jibqgħu jikbru b’rata mgħaġġla.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, tenna li apparti l-enfasi fuq ekonomija ġdida, jeħtieġ niftakru fil-kompetizzjoni sħiħa li wieħed isib internazzjonalment.
Dan filwaqt li fakkar fi problemi kbar li pajjiżna qed jaffaċċja f’għadd ta’ setturi, bħat-traffiku u l-ambjent.
Josef Bugeja appella sabiex kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-istess direzzjoni.
Preżenti għal din il-laqgħa flimkien ma’ Bernard Grech kien hemm il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u x-Shadow Minister Ivan Castillo.
//= $special ?>