Lokali

Svetlana Muscat tingħata job ta’ Direttur fin-National Skills Council

Provi li għandu f’idejh dan is-sit juru li issa Svetlana Muscat tpoġġiet fir-rwol ta’ Direttur fin-National Skills Council. Dan wara l-kontroversji li qamu madwarha, meta hi kienet Head of Strategy tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Mhux magħruf eżatt kemm hi l-paga li qed tingħata għal dan ir-rwol. Iżda issa, minn Executive f’dan il-Kunsill, f’temp ta’ ġimgħa qed tidher fuq is-sistema tal-Gvern bħala Direttur biex iżżomm ‘Skala 4’.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jittiħdux passi kriminali fil-konfront ta’ Svetlana Muscat wara li kienu ħarġu rapporti dwarha li nqabdet torganizza laqgħat sigrieti fl-uffiċċju tagħha bejn Yorgen Fenech u Ruben Farrugia minn barra l-Ħabs.

Issa, il-Head of Strategy tal-Ħabs ingħatat transfer għan-National Skills Council – fejn l-ewwel tpoġġiet bħala Executive u issa qed tidher bħala Direttur – minkejja li l-investigazzjoni fil-konfront tagħha sabet li m’għamlet xejn ħażin; fatt stramb ħafna, kif spjega anke l-PN fi stqarrija.