L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-attività nazzjonali ‘Mixja mal-President’ se ssir nhar il-Ħadd 17 ta’ Novembru, bil-parteċipanti se jimxu mill-Palazz ta’ Sant’Anton sal-Palazz tal-President, fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
Mal-wasla fil-Belt, fi Pjazza San Ġorġ ser ikun hemm varjetà ta’ attivitajiet għall-familja kollha, b’logħob għat-tfal, ikel u xorb kif ukoll divertiment u mużika.
Dettalji dwar l-attività ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fost oħrajn.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono appellat lill-pubbliku biex jattendi u b’hekk “ikun qed isaħħaħ il-karus tal-komunità, li hu l-Malta Community Chest Fund,” u li permezz tiegħu jingħata l-għajnuna lil kull min ikollu bżonn.
“Ħaġa waħda biss jonqos, li l-poplu jirrikorri,” qalet il-President Spiteri Debono. “Nappella biex il-poplu jgħina ħalli min iħabbat il-bieb inkunu nistgħu ngħinuh.”
Iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja ħeġġet lil dawk kollha li se jattendu biex jilbsu l-flokk tal-okkażjoni, biex tinħoloq mewġa ta’ persuni miġbura flimkien bl-għan li jgħinu lil dawk fil-bżonn.
Preżenti wkoll ix-Shadow Minister, David Agius li fisser din l-attività sportiva bħala waħda li tgħaqqad lill-poplu, u appella biex kulħadd jattendi u b’hekk ikun qed jgħin lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund.
Dawk interessati li jattendu jistgħu jagħtu donazzjoni ta’ €10 b’risq il-Malta Community Chest Fund u jingħataw flokk tal-okkażjoni li jista’ jinġabar mill-Kunsilli Lokali kollha madwar Malta u Għawdex, l-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund, fil-Belt Valletta, u mingħand Eurosport.
//= $special ?>