Internazzjonali

Trump u Harris ras imb ras hekk kif baqa’ biss 12-il jum

Kamala Harris u Donald Trump ħadu sehem fi skambju jaħraq ta’ insulti hekk kif it-tellieqa presidenzjali qed tintensifika, u toqrob lejn il-fazi finali tagħha.

F’avveniment televiżiv li sar l-Erbgħa, Harris għamlet dikjarazzjonijiet qawwija dwar l-avversarju tagħha, fejn sejħet lil Trump bħala “faxxista.” Hija esprimiet it-twemmin tagħha li tixtieq “poter mhux ikkontrollat”, u insistiet li Trump qed jhedded il-bilanċ tad-demokrazija fil-pajjiż.

Bi tpattija, Trump ma żammx lura l-kritika tiegħu.

Huwa rrefera għal Harris bħala mara li għandha “moħħha mhux f’postu” u sostna li hija toħloq “theddida għad-demokrazija.”

Wara dan l-iskambju, analisti innotaw l-istrateġija aggressiva ta’ Kamala Harris f’dawn l-aħħar ħmistax tal-elezzjoni.

U hekk kif issa fadal biss ġimagħtejn sakemm il-votanti jitfgħu l-vot tagħhom fil-5 ta’ Novembru, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jindika li l-kompetizzjoni fl-istati ewlenin meqjusin bħala “kamp tal-battalja” kemm għar-Repubblikani u d-Demokratiċi hija qrib ferm, u r-riżultat jista’ jiġi deċiż b’marġni żgħar ħafna.

Fi żviluppi relatati, id-Dipartiment tal-Ġustizzja wissa b’ittra lin-negozjant Elon Musk dwar l-għotja riċenti ta’ miljun dollaru… għaliex din tista’ tikser ir-regolamenti tal-elezzjoni Presidenzjali.

Mhux ċar meta Musk irċieva din l-ittra mid-Dipartiment tal-Ġustizzja filwaqt li din is-sitwazzjoni qed tkompli tikkomplika x-xenarju politiku hekk kif qed toqrob din l-elezzjoni tant importanti.