Żewġ Sqallin inżammu taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ traffikar ta’ kokaina b’rabta mas-sejba ta’ erba’ kilogrammi ta’ droga fil-karozza tagħhom mal-wasla tagħhom minn Sqallija fuq il-catamaran.
Pizzaiolo Eriko Mucaj ta’ 18-il sena, u s-segretarja Giovanna Scribano ta’ 46 sena, it-tnejn minn Ragusa, tressqu taħt arrest il-Ħamis quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Il-koppja wieġbu mhux ħatja ta’ konfoffa għat-traffikar tal-kokaina, importazzjoni tal-kokaina, pussess ta’ kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba għall-konsum personali tagħhom.
L-Ispettur Mark Antony Mercieca qal lill-Qorti li tard it-Tlieta filgħaxija l-Pulizija rċeviet tip off li Mercedes bi pjanċi Taljani, tista’ tkun fi triqitha lejn Malta, qed tittrasporta narkotiċi illeċiti. L-informazzjoni li waslet kienet li Mucaj kien ix-xufier.
Il-Pulizija osservat il-vetturi li kienu qed jinżlu, u nnutat li Scirbano kienet fil-fatt qed issuq il-Mercedes u wara li ċċekkja l-manifest tal-passiġġieri sabet li Mucaj kien niżel bil-mixi. Fuq il-persuna ta’ Mucaj instabu ċwievet ta’ Mercedes. Hu qal li kien ħalla l-karozza fi Sqallija, iżda meta wżaw iċ-ċavetta, l-uffiċjali osservaw id-dwal ta’ karozza jteptpu fil-bogħod.
Scirbano ġiet avviċinata mill-Pulizija u qaltilhom li ħadd ma kellu aċċess għall-karozza, u ċaħdet li kienet taf lil Mucaj. Numru ta’ klieb tad-Dwana kienu preżenti u bdew ixommu d-droga u dawn ippuntaw lejn is-seat tas-sewwieq u tal-passiġġier, iżda jidher li ma kien hemm xejn x’jitneħħa.
X ray żvela kompartimenti moħbija. Scirbano kellha tiddaħħal l-isptar u wara wara li ħarġet mill-isptar tneħħew is-siġilli fil-preżenza tagħha u nfetħu l-kompartimenti sigrieti hekk kif kienet qed tosserva din l-operazzjoni. Instabu d-droga u madwar €1,000 fi flus kontanti.
Il-mara ġiet osservata tipprova tibgħat messaġġ fuq il-mowbajl tagħha, li mill-ewwel inqabad mill-Pulizija, li sabu numru ta’ messaġġi bi struzzjonijiet dwar fejn tipparkja u x’għandha tagħmel bil-flus. L-ebda wieħed mill-akkużati ma talab għal-libertà proviżorja f’dan l-istadju. L-avukati tagħhom spjegaw li dan kien minħabba l-fatt li ma kellhomx indirizz fiss f’Malta.
L-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Mark Anthony Mercieca. L-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca qed jassistu lil Scribano, filwaqt li l-avukati Joseph Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għal Mucaj.