Skulturi, arti bl-acrylic, pitturi biż-żejt, installazzjonijiet u biċċiet ta’ ġojjelli.
Huma dawn l-40 biċċa arti, kollha xogħlijiet tal-artist Mark Mallia li wieħed jista’ jsib fl-ewwel sular fid-Dar Ċentrali tal-PN – sular illi issa se jibda jkun dedikat għall-artisti f’pajjiżna.
Dan hekk kif propju f’għeluq it-tliet xhur mill-mewt tiegħu, sar il-ftuħ uffiċjali ta’ din il-wirja li tiġbor fiha xogħlijiet ta’ Mark mallia.
Kienet Etienne Farrell – il-partner artistika ta’ Mallia illi spjegat kif hu kien bniedem ta’ qalb kbira, li juża’ l-arti sabiex ikun jista’ jaqsam dak li jkun qed jaħseb u jħoss ma’ dawk ta’ madwaru.
Hija spjegat ukoll illi Mark Mallia jibqa’ magħruf għall-istil skur tal-arti tiegħu. Dan minħabba l-fatt li kien ipitter ħafna arti b’rabta mal-mewt u mal-aspett uman fil-ħajja.
Farrell ħabbret ukoll illi ritratti tal-biċċiet artistiċi tagħha u anke ta’ Mark Mallia se jkunu parti minn Space X, fejn b’kollaborazzjoni man-NASA, se jkunu qed jittellgħu fl-ispazju.
Din il-wirja qed tittella’ fid-Dar Ċentrali tal-PN se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-30 ta’ Ottubru.
Preżenti għall-ftuħ kien hemm Anne Marie Grech – il-mara tal-Kap tal-PN, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u s-Segretarju Eżekuttiv Organizattiv Stefan Caruana.
//= $special ?>