Wara li qabdu u għalqu ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat għad-dannu tal-pazjent, issa l-Ministru qalilna li mhux se jerġa’ jinfetaħ qabel nofs is-sena d-dieħla
Il-Kura Primarja mhix importanti għall-Gvern Laburista. U dak li qed jiġri b’rabta maċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat hu xhieda oħra tal-inkompetenza tal-Gvern Laburista fil-qasam tas-Saħħa u l-Kura Primarja.
Wara li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat (Malta) ingħalaq għal xogħol ta’ rinnovazzjoni bla ebda avviż u ta’ malajr, issa sirna nafu li minflok se jerġa’ jinfetaħ lejn tmiem din is-sena, kif kien wiegħed il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, dan se jinfetaħ f’nofs l-2025. Dan minħabba li, fi kliem il-Ministru Abela stess, għad irid isir xogħol ta’ tiswija tas-sistema tal-ventilazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem dan iċ-Ċentru tas-Saħħa, ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici spjegaw kif sfortunatament, dan qed jikkawża diffikultajiet kbar lill-pazjenti tal-lokalitajiet tar-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħ’Attard u l-madwar.
Ian Vassallo spjega kif dawn ir-residenti li qed jersqu għall-għajnuna jew biex jieħdu servizz f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa, qed isibu l-bibien magħluqin u qed ikollhom jirrikorru għal ċentri tas-saħħa oħrajn, fejn qed ikollhom iqattgħu sigħat twal fil-kju biex jinqdew. Li kieku ma kienx il-Partit Nazzjonalista, li tkellem dwar din is-sitwazzjoni u appella biex jibda jkun ipprovdut trasport lejn ċentri tas-saħħa oħrajn għal dawn il-pazjenti, lanqas dan ma kien iseħħ.
Hu qal li llum il-pazjenti qed ibatu konsegwenza ta’ nuqqas ta’ ppjanar u għaġla f’dan il-qasam daqstant delikat u importanti. Dak li ġara fir-Rabat hu eżempju ċar ta’ dan, biċ-Ċentru tas-Saħħa jingħalaq bla ebda pre-avviż u f’daqqa.
Kaġun ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-Gvern, il-pazjenti qed ikollhom jaraw kif se jmorru jieħdu l-kura, minflok, minn lokalitajiet oħrajn bħal Birkirkara u l-Mosta, fejn pereżempju s-servizz tad-demm u t-tilqim jingħata litteralment f’kamra li lanqas hi mgħammra bis-sistemi sanitarji bażiċi. Dan qed ikollu effett negattiv ukoll fuq il-professjonisti tas-saħħa u l-ħaddiema f’dan is-settur.
Adrian Delia fakkar kif minbarra s-sitwazzjoni b’rabta ma’ dan iċ-Ċentru tas-Saħħa daqstant importanti fir-Rabat, jiżdiedu problemi oħrajn li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat u xhur, bħalma huma dawk marbutin mal-Hub tat-Tramuntana, proġett li ngħata l-ġenb mill-Gvern, bl-istess Ministru Abela jibgħat lill-pazjenti biex, minflok, imorru jinqdew f’Għawdex, u l-każ tal-Hub tan-Nofsinhar li għadu magħluq minkejja li ġie inawgurat b’pompa kbira ftit jiem qabel l-aħħar elezzjonijiet Ewropej minħabba li jinsab fiċ-ċentru ta’ kwistjoni legali.
Dan il-Hub ta’ Raħal Ġdid suppost infetaħ fl-2022 u sar b’fondi Ewropej, li jlaħħqu l-€50 miljun, u li hemm ir-riskju li issa jintilfu.
Min-naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici spjegat li pajjiżna għandu bżonn kura tas-saħħa primarja li verament tippermetti li s-servizzi u s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna jipprovdu għall-ħtiġijiet tas-saħħa tal-Maltin, b’mod partikolari tal-anzjani tagħha. Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura li jkollna sistemi tas-saħħa li jippromwovu s-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, it-trattament adattat u f’waqtu, kif ukoll riabilitazzjoni eċċellenti biex niżguraw li l-anzjani tagħna jgawdu minn kwalità ta’ ħajja tajba.
Sfortunatament, jidher li dan il-Gvern għandu prijoritajiet differenti, u jippreferi li jidħol fi ftehim ma’ kumpaniji li ma jifhmux fis-saħħa, b’miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu jispiċċaw mormija, u bil-Gvern jissieħeb ma’ min iffroda lil pajjiżna u lill-qasam tas-saħħa b’deals korrotti, fejn il-vittma dejjem jispiċċa jkun il-pazjent.
Dan hu kif qed jintlaqtu ħażin l-anzjani tagħna kaġun tal-inkompetenza tal-Gvern f’dan is-settur:
– Proprju għax huma anzjani, l-anzjani li jkollhom bżonn l-Emerġenza, jagħmlu sigħat twal fid-Dipartiment tal-Emerġenza jistennew;
– Jitħallew fil-kurituri għal sigħat twal sakemm jiġu trasferiti f’xi sala;
– Jiġu trasferiti fl-agħar wards, inkella jispiċċaw fil-kurituri jew fil-canteen proprju għax huma anzjani;
– L-appuntamenti tal-Out-patients u tal-operazzjonijiet jingħataw għal xhur sħaħ wara, jekk mhux snin;
– Appuntamenti għall-operazzjonijiet jiġu kkanċellati ftit jiem qabel, jew saħansitra dakinhar stess, anke wara li jkunu ngħataw il-loppju.
Żgur li dan mhux il-livell li jixraqlu pajjiżna fis-sena 2024. Il-pazjent jixraqlu aħjar. Int jixraqlek aħjar.
//= $special ?>