Il-Fondazzjoni Falcone se tistabbilixxi ruħha f’Malta, b’sede diplomatika u kulturali f’115, Triq Santa
Margerita, is-Siġġiewi. F’din is-sede, il-Fondazzjoni se tkun aċċessibbli għall-komunità internazzjonali u
għaż-żgħażagħ permezz ta’ inizjattivi kulturali, soċjali u popolari.
L-għan tal-Fondazzjoni huwa li tkun parti integrali mill-proċess ta’ riforma mibdi u mbuttat ’l quddiem b’kuraġġ mis-soċjetà ċivili Maltija, bl-appoġġ u bl-eżempju tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Is-sede se tkun iddedikata għall-memorja ta’ Giovanni Falcone, Paolo Borsellino, Daphne Caruana Galizia u l-vittmi kollha tal-kriminalità organizzata.
Il-Fondazzjoni se tkun rappreżentata f’Malta minn Robert Aquilina, li ilu involut fil-ġlieda għall-verità
u l-ġustizzja f’Malta mill-ġurnata kerha li fiha nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-President tal-Fondazzjoni, il-Professur Maria Falcone – oħt il-Maġistrat Giovanni Falcone li nqatel minn Cosa Nostra fit-23 ta’ Mejju 1992 – se tkun preżenti għall-inawgurazzjoni tas-sede flimkien mal-fundatur u consigliere delegato Vincenzo Di Fresco u l-curatore generale Alessandro de Lisi, li flimkien qed jieħdu ħsieb il-ftuħ tal-Museo del presente Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, u li se jkunu preżenti fl-operat tas-sede f’Malta.
Iż-żjara tagħhom f’Malta bejn it-8 u l-11 ta’ Novembru se tkun waħda straordinarja għax din se tkun l-ewwel sede barra mill-Italja minftuħa minn din l-istituzzjoni storika ewlenija tal-kultura soċjali Taljana kontra l-mafja.
Is-sede Maltija tal-Fondazzjoni Falcone se tkun inawgurata uffiċjalmet mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, u se titbierek mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna, waqt avveniment li se jsir il-Ħadd 10 ta’ Novembru mis-6:15pm ’il quddiem.