Il-Kummissarju tal-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman esprima t-tħassib serju tiegħu rigward is-sitwazzjoni fl-MCAST, riżultat tad-direttivi imposti mill-Union tal-Għalliema – direttivi li issa qed jispiċċaw jheddu l-gradwazzjoni tal-istudenti.
F’komunikat lill-media, ġie nnotat li skont rapporti li waslu għand l-Ombudsman, hemm numru ta’ studenti li mistennija jiggradwaw fil-ġimgħat li ġejjin, iżda mhux se jkunu jistgħu jagħmlu dan minħabba l-fatt li l-eżaminaturi m’għaddewx id-dettalji rikjesti lill-amministrazzjoni bil-għan li jsiru l-verifiki meħtieġa sabiex effettivament dawn l-istudenti jiggradwaw.
Dan għaliex il-letturi qiegħdin jobdu d-direttivi imposti mill-MUT.
Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni insista li ma tistax tinħoloq pressjoni fuq l-istudenti biex jiġi konkluż ftehim kollettiv – u insista li dan ma huwa xejn ħlief abbuż.
Il-Kummissarju insista li hu totalment inġust fuq l-istudenti li qed jirriskjaw jinqatgħu barra mis-serata tal-gradwazzjoni minħaba dawn id-direttivi.
U għaldaqstant il-Kummissarju ħeġġeġ liż-żewġ partijiet, ċioè kemm lill-Union kif ukoll lill-MCAST biex jilħqu ftehim tal-inqas fuq id-dettalji mitluba biex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jiggradwaw.
Dan filwaqt li appella sabiex jintlaħaq ftehim mill-aktar fis permezz ta’ negozjati kostruttivi u ġenwini.
//= $special ?>