Fl-1 u t-2 ta’ Novembru, uħud mill-aqwa talent lokali f’Malta se jtellgħu ‘Għażiż Francis’ fuq il-palk tat-Teatru Manoel, dramm li jiċċelebra l-ħajja u l-ħidma tal-iktar drammaturgu u rumanzier importanti f’Malta min-nofs sal-aħħar tas-seklu 20: Francis Ebejer.
‘Għażiż Francis’ jinseġ flimkien għadd ta’ memorji u ħsibijiet dwar Ebejer flimkien ma’ siltiet mill-kitbiet tiegħu. Id-dramm kien oriġinarjament miktub u mtella’ fl-2007, u jdur ma’ żewġ karattri, Peter Busuttil u Pino Scicluna. Lil dawn narawhom jitħaddtu u jirrakkontaw dwar meta ltaqgħu ma’ Ebejer, filwaqt li magħhom jittellgħu xeni animati minn uħud mill-aqwa drammi, poeżiji u kitbiet oħra l-aktar memorabbli tiegħu.
Fil-produzzjoni oriġinali, Busuttil u Scicluna ħadmu l-parti tagħhom stess, imma din id-darba dawn ir-rwoli se jkunu qed jeħduhom Sean Borg u Davide Tucci. Taħt id-direzzjoni ta’ Peter Busuttil, flimkien ma’ Borg u Tucci, se jissieħbu fuq il-palk magħhom, uħud mill-aqwa talent lokali.
Francis Ebejer huwa probabbli d-drammaturgu ewlieni ta’ Malta mit-tieni nofs tas-seklu 20 u għadu jiġi ċċelebrat anke wara mewtu bħala wieħed mill-iktar kittieba prolifiċi li qatt raw dawn il-gżejjer. Ebejer kien rumanzier, drammaturgu u kittieb għal fuq l-iskrin ukoll, kiteb kemm bil-Malti u anke bl-Ingliż.
Ħafna drabi kien jittraduċi x-xogħol tiegħu stess għaż-żewġ lingwi u kellu xogħlijiet tiegħu li ġew tradotti f’lingwi oħra bħall-Franċiż, Taljan, Spanjol u Ġermaniż. Ix-xogħlijiet tiegħu għall-palk ġew imfaħħra bħala innovattivi u pijuniera għax-xena teatrali f’Malta. Ta’ spiss kien joħroġ b’dak li ma jkunx mistenni minn dak il-ġeneru, waqt li kien juża l-produzzjonijiet tiegħu biex jikkummenta fuq l-identità u s-soċjetà Maltija.
‘Għażiż Francis’ ittella’ l-ewwel darba fl-2007, bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta u se jerġa’ jittella’ mill-ġdid biex jiġi kkommemorat iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Ebejer fl-1925. Din il-produzzjoni, imbagħad, se tkun qed iddur f’lokalitajiet differenti madwar Malta fl-2025. Dan id-dramm huwa ddedikat lil dawk li kienu jafu, ħadmu jew argumentaw ma’ Francis: l-atturi, id-diretturi, it-tradutturi u l-istudenti tiegħu.
Ir-riċerka, l-adattazzjoni u l-kitba tal-iscript ta’ ‘Għażiż Francis’ saret mill-Professur Marco Galea u l-mużika ta’ Andrew Vella Zarb. Ir-rappreżentazzjonijiet se jittellgħu fit-Teatru Manoel nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, l-1 u t-2 ta’ Novembru u jibdew fit-8pm.
//= $special ?>