Internazzjonali

Il-Ġorġja: Poplu lest għal elezzjoni li tħoll u torbot għad-demokrazija

Miljuni ta’ residenti fir-Repubblika ta’ Ġorġja u ‘il hinn minnha,  għada s-Sibt, jivvutaw f’elezzjoni li l-President tal-pajjiż,  Salome Zourabichvili, irreferiet għaliha bħala ‘referendum’ dwar l-għażla ‘bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja’.

Fil-fatt, l-attivisti li jridu jqaċċtu lill-Partit tal-Ħolma Ġorġjana mill-poter qed ifissru din l-elezzjoni parlamentari bħala ‘mument li jħoll u jorbot għad-demokrazija’ f’pajjiż li darba kien jifforma parti mill-Unjoni Sovjetika komunista u fejn l-għexieren tal-eluf, illum, huma favur l-isħubija eventwali fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, il-vot se jħalli impatt ‘permanenti’ għall-Ġorġja bħala pajjiż li, ‘il quddiem, jista’ jaħseb fi proċessi sinifikanti għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda inkella futur fejn jibqa’  ‘eskluż mill-Ewropa’.

Intant, il-Partit tal-Ħolma Ġorġjana fil-Gvern, li hu dispost favur ir-Russja, hu determinat li jbiegħed pajjiżu mill-Punent. Il-partit, f’din l-elezzjoni, qed jiffaċċa erba’ partiti ewlenin tal-Oppożizzjoni li huma il-Moviment Nazzjonali Magħqud; il-Partit għal Ġorġja b’Saħħitha; il-Koalizzjoni għall-Bidla u l-Partit ta’ Gakharia għal Ġorġja,

L-erba’ partiti kollha ffirmaw l-hekk-imsejjaħ Dokument ta’ Ġorġja fejn il-President Zourabichvili qed titlobhom biex jgħinu fit-tneħħija tal-Partit tal-Ħolma Ġorġjana mill-poter permezz ta’ pjan li permezz tiegħu dan il-partit  — imwaqqaf mill-biljunarju Bidzina Ivanishvili u li ilu fil-poter mill-2012 – isibha impossibbli biex jifforma Tmexxija ta’ Koalizzjoni fi Tbilisi.

Illum, mal-20 fil-mija tat-territorji ta’ Ġorġja huma okkupati mir-Russja u li jinkludu r-reġjuni separatisti ta’ Ossezja t’Isfel u Abkażja.