Internazzjonali

Il-Libanu: Kundannat il-qtil ta’ ġurnalisti waqt ir-rejds tal-ajru

L-awtoritajiet fil-Libanu qed iħeġġu lill-membri tal-istampa fil-pajjiż biex iżidu l-prekwazjonijiet tas-sigurtà fost l-aħħar żviluppi tal-gwerra bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah. Dan wara li tlett ġurnalisti tilfu ħajjithom fost attakk mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael li konċentraw fuq bini partikulari lejn ix-Xlokk tal-Libanu.

Diversi sorsi fil-Libanu, sadanittant, ikkundannaw lill-Iżraeljani dwar l-azzjonijiet militari indiskriminattivi u meta huma qalu li l-Iżraeljani kienu jafu li l-bini inkwistjoni kienet qed tintuża mill-membri tal-istampa.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani sostnew li l-qawwiet tagħhom qed jikkonċentraw biss fuq iċ-ċentri tal-kmand tal-Ħeżbollah f’Bejrut u bnadi oħra tal-Libanu. Dan fost rapporti li l-ġurnalisti maqtula kienu qegħdin f’guesthouse ta’ kumpless, fl-inħawi ta’ Hasbaya, li qed jintuża mill-ġurnalisti li jirrappreżentaw talanqas seba’ organizzazzjonijiet tal-media.

Sar magħruf, wara, li t-tlett vittmi kienu impjgati mal-Istazzjonijiet ta’ Al-Manar TV u Al Mayadeen TV – bil-Ministeru Lebaniż għall-Informazzjoni jfisser l-attakk fuq il-bini bħala ‘reat tal-gwerra’.

Il-militar Iżraeljan qed jiċħad li l-ġurnalisti ‘ukoll’ qed jitqiesu bħala mira liġittima għall-ajruplani tal-gwerra.  Intant, qabel l-aħħar imwiet, kien hemm anki l-konferma dwar il-qtil ta’ ħames ġurnalisti oħra waqt l-offensiva ta’ Iżrael fuq il-Ħeżbollah li ilha għaddejja mill-aħħar ġimgħat tas-sajf.

U fis-dawl tas-sitwazzjoni, il-ġurnalisti Lebaniżi li qed jirrappurtaw dwar il-konflitt fin-Nofsinar tal-Libanu qegħdin ikollhom jirrilokaw lejn siti oħrajn fil-pajjiż meqjusa bħala anqas perikolużi – bl-Iżraeljani jkomplu bil-bumbardamenti mill-ajru kif ukoll bl-inkursjonijiet tal-art fil-Libanu.

Sadanittant,  diversi ġurnalisti fil-Libanu qed jaqblu li l-attakk fuq Hasbaya kellu jseħħ skont pjan speċifiku u meta l-Iżraeljani setgħu jaraw li l-vetturi kollha fis-sit kienu markati bħala proprjetà tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni.

Il-ġurnalisti tennew li ‘kollox kien seħħ mingħajr twissija’, b’uħud jakkużaw lil Iżrael dwar kampanja ta’ terrur simili għal dik li qed issir f’Gaza — u fost allegazzjonijiet li l-Iżraeljani qed jagħmlu minn kollox biex ifixklu lll-istampa milli tirrapporta dwar dak li qed iseħħ tassew fil-Libanu.

Dan ukoll waqt li l-Gvern Lebaniż kompla jikkundanna lil Iżrael għal dak li sejjaħ bħala aggressjoni sfaċċata fuq il-media fil-Libanu u li kellha sseħħ ukoll b’abbuż tal-liġi internazzjonali