Il-persentaġġ ta’ Maltin sodisfatti bis-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha f’dak li għandu x’jaqsam il-proprjetà huwa anqas mill-medja Ewropea.
Dan ħareġ mill-European Housing Trend Report 2024 ta’ RE/MAX Europe fejn ġie rrapportat li l-ogħla rata ta’ persuni li huma mħassba ferm fuq l-ispejjeż u l-prezz tal-proprjetà huwa proprju f’Malta, bi 53%… segwita mill-Irlanda bi 48% …filwaqt li l-medja Ewropea hija dik ta’ 33%.
Il-medja Ewropea tas-sodisfazzjon tan-nies bir-residenza u s-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha hija dik ta’ 76% filwaqt li l-Maltin ikklassifikaw fil-15-il post f’dak li għandu x’jaqsam sodisfazzjon… segwiti fost oħrajn mill-Ungerija u t-Turkija.
Dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ġej minn fost oħrajn il-prezz u l-affordabiltà ….u l-ħtieġa ta’ aktar spazju fir-residenzi tagħna.
Il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-proprjetà u l-affordabiltà meta kkumparati mal-paga medja f’pajjiżna hija mhux biss ta’ nkwiet għall-familji Maltin u Għawdxin, għal persuni separati, jew saħansitra dawk li jgħixu waħedhom iżda anke għal ħaddiema barranin li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa mill-EY Attractiveness survey ħareġ li l-aktar fattur li qed itellef milli l-kumpaniji lokali jirreklutaw impjegati barranin ġodda jew saħansitra li jżommuhom huwa mhux biss l-għoli tal-ħajja iżda l-prezzijiet tal-proprjetà u l-kera.
//= $special ?>