Internazzjonali

Ir-Reġjun tal-Balkani: Żjara impenjattiva minn Von der Leyen b’aċċenn fuq it-tkabbir tal-UE

Ritratt: Le Monde

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea,  Ursula von der Leyen, qed tuża ż-żjara attwali fir-reġjun tal-Balkani biex tenfasizza li l-espansjoni tal-Unjoni Ewropea — bl-ingaġġ tal-Istati membri l-ġodda – qed tingħata priorità assoluta fuq l-aġenda ta’ Brussell.

Il-programm ta’ Von der Leyen qed jibbaża fuq iż-żjarat fl-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Bosnija-Erżegovina, is-Serbja, il-Kosovo u Montenegro.  Dan meta hi  sostniet li t-tkabbir tal-Unjoni se jkun ittrattat b’sens kbir ta’ impenn u meta l-programm tagħha qed jibbaża fuq it-taħditiet mal-Mexxejja ta’ sitt pajjiżi li jridu jissieħbu fl-UE.

Wara ż-żjara tal-aħħar sigħat f’Sarajevo, il-kapitali tal-Bosnja, Von der Leyen illum kellha l-laqgħat, f’Belgrad, mal-President tas-Serbja, Aleksandar Vučić, u l-Prim Ministru Serb Miloš Vučević.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, intant, hi ottimista li t-tragwardi ta’ dawn il-pajjiżi jintlaħqu fl-aħjar interessi tas-sigurtà u t-tisħiħ tal-Unjoni ta’ pajjiżi – fil-preżent 27 – li jikkostitwixxu waħda mill-akbar ‘trading blocs’ fid-dinja.

L-Unjoni Ewropea, f’Novembru tal-2023, introduċiet pjan għall-iżvilupp tal-Istati Balkani tal-Punent…Pjan li jinvolvi inizjattiva ekwivalenti għal sitt biljun ewro li, fost oħrajn, għandha tnaqqas mill-influwenza ekonomika taċ-Ċina u r-Russja.

Von der Leyen, waqt l-aħħar konferenzi tal-aħbarijiet, qalet kemm-il darba li l-UE għandha l-għodda neċessarji kollha biex taċċerta mit-tkabbir – bil-Prim Ministru Albaniż, Edi Rama, isostni li ‘illum ma fadalx aktar dibattitu dwar il-futur tal-Albanija, fost il-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet tal-Albaniżi li telgħin jitrawwmu skont il-valuri u kriterji demokratiċi tal-Unjoni Ewropea.’

It-taħditiet dwar it-tkabbir tal-UE fir-reġjun tal-Balkani fejn  jgħixu ‘il fuq minn 18-il miljun persuna ilhom għaddejjin għal 20 sena

Dan meta l-imsemmija sitt pajjiżi għaddew minn diversi sitwazzjonijiet diffiċli u kumplikati – bir-Repubblika tal-Kosovo għadha mhix rikonoxxuta minn ħamsa fost il-pajjiżi-membri tal-UE.

Intant, minn fost dawn is-sitt pajjiżi, il-Montenegro qed tidher fl-aktar pożizzjoni favorevoli għall-isħubja fl-UE. Dan wara li numru ta’ pajjiżi Balkani, fl-aħħar snin, dehru nieqsa mir-rieda politika biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa ħalli jħaffu l-proċess tas-sħubija fl-Unjoni.

Madankollu, il-kunċett tal-isħubija tal-Istati tal-Balkani fl-Unjoni Ewropea, illum, qed ikun anki influwenzat mill-gwerra fl-Ukrajna u mindu dan il-pajjiż spiċċa mira għall-offensiva militari tar-Russja….Avveniment xokkanti għall-Ewropa kollha u li serva bħala stimolu għall-proċess tal-isħubija għall-pajjiżi tal-Balkani

Il-konflitt fl-Ukrajna serva wkoll biex l-UE iżżid l-isforzi biex tikkontrolla l-influwenza tar-Russja fir-reġjun tal-Balkani u b’din iż-żjara minn Von der Leyen qed titqies bħala sinjal qawwi ta’ impenn u interess fil-politika u t-Tmexxija tal-pajjiżi inkwistjoni.

Fl-istess ħin, is-sitt pajjiżi —  l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Bosnija-Erżegovina, is-Serbja, il-Kosovo u Montenegro – qed jippruvaw juru li, fil-preżent, huma impenjati bis-serjetà biex jissodisfaw ir-riformi li qed tinsisti dwarhom l-Unjoni Ewropea.

Il-President von der Leyen, għada s-Sibt, se tkun impenjata fi Pristina fejn għandha l-laqgħat mal-President tal-Kosovo,  Vjosa Osmani, u l-Prim Ministru, Albin Kurti.

Hi imbagħad tikkonkludi ż-żjara fir-reġjun b’waqfa f’ Podgorica għal-laqgħat mal-President ta’ Montenegro, Jakov Milatović, kif ukoll mal-Prim Ministru, Milojko Spajić.