Grupp tal-militanti Kurdi separatisti, fl-aħħar sigħat, assuma r-responsabbiltà għall-attakk ta’ nofs il-ġimgħa fuq il-kwartieri-ġenerali ta’ kumpannija Statali għall-produzzjoni tat-tagħmir għad-Difiża Nazzjonali…Attakk terroristiku li kien seħħ viċin il-kapitali Torka, Ankara, u li fiha nqatlu ħames persuni.
Il-grupp PKK , permezz ta’ stqarrija, qal li l-militanti tiegħu miraw għall-entità TAI – l-Industriji Torok għall-Aerospazju – għaliex skont hu, ‘l-armamenti li qed tipproduċi l-entità servew għall-qtil ta’ eluf ta’ Kurdi.’
Il-PKK spjega wkoll li l-attakk tal-Erbgħa, fejn indarbu ‘il fuq minn 20, kien ilu pjanat u ma kellu x’jaqsam xejn mal-aġenda politika li x-xahar li għadda kienet suġġetta għal dibattitu sostanzjali fit-Turkija.
L-istqarrija, intant, qed ‘toqtol’ l-ispekulazzjoni li l-attakk inkwistjoni seta’ seħħ bħala attentat biex itellef it-taħditiet għall-paċi bejn il-Gvern Tork u l-PKK…Taħditiet li ilhom il-jiem fiċ-ċentru tal-ispekulazzjoni.
Il-militar tat-Turkija, intant, wettaq diversi attakki mill-ajru fuq siti mfissra bħala bażijiet tal-PKK fl-Iraq u s-Sirja u li fihom qed jingħad li nqatlu l-għexieren tal-militanti li Ankara tirreferi għalihom bħala ‘terroristi’. Dan seħħ b’ritaljazzjoni għall-attakk tal-Erbgħa fuq il-kumpless tat-TAI.
//= $special ?>