Kultura Lokali

L-attivitajiet tal-esebituri li m’għandekx titlef waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb issa stabbilixxa ruħu bħala dik iċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-kultura tal-kotba f’Malta, u l-għażla eklettika tal-attivitajiet li se jorganizzaw l-esebituri ikomplu jżidu mas-suċċess dejjiemi li kiseb dan l-avveniment mal-popolazzjoni lokali.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u se jsir iċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), Ta’ Qali, bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, u l-programm fih attivitajiet organizzati mill-KNK, fosthom dawk bil-mistiedna ewlenin Anthony Horowitz u Paul Lynch, kif ukoll oħrajn tal-kollaboraturi prestiġġjużi tagħna.

Madankollu, il-programm tal-attivitajiet ma jkunx sħiħ mingħajr dawk organizzati mill-pubblikaturi, l-awturi u l-entititajiet kulturali – li flimkien iseddqu t-tema tal-Festival #dinjietjirrimaw.

Għarfien u Inklussività

Waħda mill-aktar kollaborazzjonijiet għal qalbna hija ma’ Inspire Malta biex il-Festival ikollu l-Kamra Sensorja – post kwiet u inklussiv għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu fejn jistgħu jisimgħu stejjer moqrija f’ambjent sigur ’il bogħod mill-ġenn tas-swali ewlenin li kull sena jattiraw mal-50,000 persuna. Dan l-ispazju se jkun immaniġġjat mill-Inspire u mwieżen mill-APS Bank, u l-aċċessibbiltà għat-tfal, ġenituri jew gwardjani hi garantita.

Il-qari tal-istejjer għandu post ċentrali tul il-ħamest ijiet tal-Festival. L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) se torganizza attivitajiet lit-tfal dwar il-konservazzjoni tal-ilma u l-bijodiversità bis-saħħa ta’ qari ta’ stejjer mill-kotba Osbert and Friends u Il-Kavallier Għatxan. Malta Libraries se joffru esperjenza immersiva ta’ qari li ddur mat-tagħlim dwar il-valuri tal-ħajja, u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se jkollha sessjonijiet kull siegħa li fihom se jippromwovu l-imħabba għall-qari lil tfal ta’ etajiet differenti.

Waqt il-Festival se jkun hemm preżentazzjoni ta’ materjal minn Perlina TV – app ġdida u interessanti ta’ materjal edukattiv bil-Malti għal tfal ta’ bejn 0 u 9 snin.

Tisħib Dinamiku

Il-KNK kompla jibni fuq it-tisħib ma’ entitajiet kulturali ewlenin f’Malta, u l-Festival iservi bħala pjattaforma fejn nesebixxu dawn il-kollaborazzjonijiet. 

Mal-Kunsill Malti għall-Arti (ACM) u l-Malta Community of Illustrators (MCOI) se nerġgħu ntellgħu l-esebizzjoni From Illustration to Bookgħat-tielet darba konsekuttiva, u fiha se nixegħlu bozza fuq l-illustraturi Maltin Frank Schembri u Moira Zahra, u ħames sezzjonijiet oħra tal-esebizzjoni b’lenti usa’ fuq illustraturi u disinjaturi prominenti tal-kotba.

L-ACM se ttella’ diskussjoni dwar ‘L-Istatus tal-Artist f’Malta’ bħala parti mill-bażi ta’ msieħba tagħhom, bi qbil mal-istrateġija fit-tul taż-żmien li għandu l-KNK dwar is-sostenibbiltà tal-artisti. Simili għal din, il-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) se jmexxu konversazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni tal-industrija, u se jaraw kif l-awturi jistgħu jipprogressaw mill-‘passjoni’ għall-‘professjoni’.

Wikimedia Malta jerġgħu magħna b’Edit-a-Tona li se tiffoka fuq it-tiswir ta’ paġna komprensiva i dinamika li se tilqa’ fiha l-istorja u r-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li hu organizzat kull sena mill-KNK u li jinkludi l-krema tal-letteratura Maltija. Barra minn hekk, is-sessjoni ta’ informazzjoni ‘Niskopru l-Wikipedija’ se tkun immirata għal studenti postsekondarji u fiha se naraw kif jaħdmu l-proġetti tal-Wikipedija u l-Wikimedija.

L-Università ta’ Malta se tkun preżenti fil-Festival b’attività dwar il-kollezzjonijiet uniċi li wieħed isib fil-librerija tagħha, u t-THINK Magazine – il-fuljett ta’ riċerka Universitarja – se jippreżentaw ‘Soapbox’ miftuħa għall-pubbliku ġenerali.

Finalment, Gutenberg u Kotba Calleja se jiffukaw fuq l-elementi tattiċi u l-produzzjoni tal-kotba, b’workshops separati fuq l-istampar u l-illegar tal-kotba.

Attivitajiet tal-Pubblikaturi

Il-pubblikaturi se ssibhom kullimkien fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – u minn ewl id-dinja li jkun hekk, għax huma jagħtu s-saħħa lill-industrija tal-kotba. Minn diskussjonijiet u tnedijiet ta’ kotba, il-pubblikaturi lokali li se jkunu l-MFCC qed joffru varjetà ta’ attivitajiet mill-istands tagħhom.

Merlin Publishers jirritornaw il-Festival b’logħba letterarja ta’ ‘aqta’ min’ u b’ċans li jintrebħu xi kotba.

Se jitniedu żewġ traduzzjonijiet li ta’ min insemmu waqt il-Festival: il-waħda hi Disa’ Oprita’ Albert Marshall (Horizons) – traduzzjoni tal-libretti operistiċi famużi – u l-oħra Il-Problema tat-Tliet Korpi(Faraxa) ta’ John A. Bonello, li se toffrilna l-epika Ċiniża famuża u li kisret rekords tal-bejgħ – The Three Body Problem ta’ Liu Cixin – bil-lingwa Maltija.

Intant, Pandora u Delicon Books qed jistiednu lill-pubbliku jżur l-istands tagħhom fejn se jtellgħu għadd ta’ sessjonijiet biex tiltaqa’ mal-awturi tagħhom, u Inanna Publishers se jkollhom taħditiet u workshops żgħar tal-arti fuq l-istand ukoll.

Agenda Bookshop jistednuk iżżur l-istand tagħhom għal iffirmar ta’ kotba, waħda għall-ktieb il-ġdid ta’ Ricky Caruana, The Field, u l-oħra mal-E.T. il-President ta’ Malta biex tiffirma Tisjir mill-Qalb.

Attenzjoni lejn il-Malti

Bħala l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-kotba f’Malta, il-Festival se jagħti prominenza lejn l-ilsien Malti – l-għodda li biha tinkiteb ħafna mil-letteratura lokali. Se jkollna d-diskussjoni tal-Għaqda tal-Malti ‘Half Bil-Malti U Half Bl-Ingliż’ li se tħares lejn it-tislif tal-kliem Ingliż fil-Malti u se tistaqsi wkoll dwar l-identità ta’ lsienna. L-Akkademja tal-Malti se tippreżenta taħdita minn Sergio Grech dwar il-korrispondenza bejn Karmen Mikallef Buħaġar u Ġużè Cardona, li dan tal-aħħar kien ikkontribwixxa ħafna lil-letteratura Maltija bit-teżi tal-Maġisteru tiegħu dwar Dun Karm. Intant, il-ġurnal letterarju online Aphroconfuso se jorganizza diskussjoni dwar l-importanza li nikkultivaw komunità letterarja ta’ kittieba bil-Malti, u dan bi preparament għall-pubblikazzjoni tal-ewwel antoloġija stampata tal-ġurnal.

Il-Lat Internazzjonali

Apparti li jservi bħala punt ta’ referenza għal-letteratura lokali, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dejjem immira wkoll lejn dik internazzjonali, billi laqa’ tul iż-żminijiet entitajiet minn barra Malita – kemm jekk fergħat kulturali u kemm jekk entitajiet diplomatiċi u oħrajn.

Kemm l-Ambaxxata Franċiża u l-German-Maltese Circle (dan tal-aħħar mad-Dipartiment tal-Ġermaniż mill-Università ta’ Malta), se jorganizzaw diversi attivitajiet – fosthom kwizzijiet, laqgħat mal-awturi u workshops – filwaqt li l-Istitut Taljan tal-Kultura se jospitaw għadd ta’ pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba bil-lingwa Taljana fl-istand tagħhom. Intant, il-pubblikatur Taljan ta’ letteratura sportiva Lab DFG se jgħidu tagħhom waqt diskussjoni dwar is-suġġett f’Malta waqt attività organizzata fi sħab mal-KNK.