Lokali

L-azzjonijiet ta’ Abela b’rabta mat-traffiku mhux jaqblu ma’ li qed jgħid

It-tnaqqis tal-vetturi mill-qalba tal-irħula u l-problema enormi tat-traffiku.

Hija din waħda mit-temi li l-poplu Malti u Għawdxi jinsab konxju dwarha, hekk kif is-sensazzjoni fit-toroq tal-pajjiż fl-aħħar 10 snin spiċċat waħda soffokanti; f’ambjent ta’ ansjetà u frustrazzjoni.

Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni xprunata minn mudell ekonomiku mbuttat mill-Gvern wassal għal tniġġis qawwi fl-arja, konġestjoni ta’ traffiku kostanti mhux biss madwar l-irħula u l-ibliet iżda anke fiċ-ċentru tagħhom – u bi problemi fost oħrajn ta’ parkeġġ.

Ftit qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022, il-Gvern ta’ Abela, b’ħafna pompi kien għamel tinda fi Pjazza Tritoni jiftaħar bil-pjan tal-Metro – trasport tal-massa u sistema li fil-verità hija bżonnjuża għall-Gżejjer Maltin; tinda li ġie tiswa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar €400,000.

Madanakollu wara l-ħafna wegħdi u mijiet ta’ eluf ta’ ewro sparpaljati minn but il-poplu, Robert Abela u l-bqija tal-Kabinett xeħtu għal kollox mal-ġenb l-ipoteżi li pajjiżna fi żmien li ġej jista’ jibda jieħu b’serjetà din il-proposta.

Matul il-jum tal-Ħamis, il-Labour għamel diskussjoni fil-magħluq il-Fgura, bil-preżenza tal-Mexxej Laburista Robert Abela, -fejn intqal li jeħtieġ li ssir tisbiħ tal-lokalitajiet, il-ħolqien ta’ aktar zoni pedonali, inċentivi għat-trasport pubbliku, u it-tnaqqis tal-karozzi mill-qalba tal-irħula u l-ibliet.

Ironikament dan jasal ftit tal-jiem biss wara li kontra r-rieda tar-residenti u tal-Kunsill Lokali tal-Imsida, il-Gvern se jkun qiegħed jibni flyover eżatt fil-qalba ta’ din il-lokalità – f’għoli ta’ tliet sulari!

Apparti minn hekk, bosta esperti qed jisħqu li minkejja li t-trasport pubbliku f’pajjiżna huwa b’xejn – xorta waħda jidher li mhux qiegħda jagħti l-frott mixtieq, għas-sempliċi raġuni li xorta waħda l-karozzi tal-linja qiegħdin jeħlu huma stess fil-konġestjoni tat-traffiku. Fl-aħħar ġimgħat ħarġet bl-aktar mod ċar il-qasma u l-inkongruenza li hemm bejn il-Minsitru tat-Traffiku Chris Bonett u l-istess Prim Ministru Robert Abela hekk kif skont il-Ministru jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet iebsin biex isir xi ħaġa; filwaqt li skont Abela hu ma jemminx f’dan il-metodu.