Is-Southern Hub, in-Northern Hub, l-estensjoni tal-emerġenza, l-outpatients il-ġdid, psychiatry ward, psychiatry day-hospital, sptar għall-kura tas-saħħa mentali, sezzjoni ta’ kura intensiva psikjatrika u medical school.
Kollha wegħdiet li wieħed jista’ jsib fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Wegħdiet li, sa issa, ma sar xejn dwarhom – ħlief is-Southern Hub, li huwa lest, iżda ma jistax jibda jintuża.
Bil-Ministru tas-Saħħa jindika mal-media illi ma għandux idea meta se jkun qed jiftaħ dan iċ-ċentru li jinsab Raħal Ġdid.
Kien il-Ministru JoEtienne Abela illi, l-Ġimgħa filgħodu, inawgura s-sala Medical Ward 6 – sala illi ilha fl-Isptar Mater Dei sa minn meta infetaħ. Iżda issa, ġiet mibdula fi Stroke Ward.
Skont informazzjoni li pprovda l-Ministru Abela stess, jidher illi ikun hemm żewġ persuni kuljum li jesperjenzaw stroke.
U kien għal din ir-raġuni li bdiet tinħass il-ħtieġa li jkun hemm sala speċifika – bil-Ministeru jieħu sala li kienet diġa’ tintuża qabel – il-Medical Ward 6.
Fil-konferenza li saret fl-iStroke Ward stess, il-Ministru Abela spjega illi l-Isptar Mater Dei jilqa’ fih 1,200 pazjent, u li bħalissa hemm aktar minn 800 sodda li huma mimlija.
Meta mistoqsi dwar x’inhu l-pjan ġaladarba s-sodod mimlija jilħqu l-1,200, il-Ministru ħarab milli jwieġeb.
Is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna ilha għal dawn l-aħħar snin tikkollassa, fid-dawl ta’ nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern Laburista.
Gvern illi wiegħed numru ta’ proġetti u bidliet fis-settur tas-saħħa, iżda minflok ħallas lil Vitals u Steward 4 mitt miljun ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi – deal li għal darba darbtejn ġie ddikjarat bħala frawdolenti.
//= $special ?>