Deskritt bħala “farsa” r-rapport li sar mill-Bord tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi fis-Swatar; rapport li permezz tiegħu tneħħiet kull responsabbiltà minn fuq il-Korp. B’John Ghirxi jistqarr li l-konklużjonijiet tal-Bord qatlu lil oħtu mill-ġdid.
Mat-Times, ħu Nicolette Ghirxi insista li l-Pulizija naqsu milli jieħdu azzjoni. Dan filwaqt li kien kritiku ferm għall-istampa li qed tingħata.
Skont il-fatti li nafu sa issa, jidher li fi 72 siegħa, il-Pulizija m’għamlu xejn wara li Nicolette Ghirxi kienet infurmathom bil-preżenza ta’ Edward Johnston f’pajjiżna. Bir-raġuni tkun li l-Pulizija kienu impenjati fuq operazzjoni oħra ta’ traffikar ta’ persuni.
Ghirxi kienet infurmathom fit-8 ta’ Awwissu. U sa erbat ijiem wara, l-Irlandiż kien qatilha.
Dan ir-rapport jitfa’ dawl fuq il-fatt li Edward Johnston kien tpoġġa’ fuq il-wanted list u fuq is-sistema tal-Pulizija. Bejn Mejju u l-bidu ta’ Awwissu, l-Irlandiż kien barra minn Malta. Iżda dak ix-xahar stess – għal xi raġuni – kien irnexxielu jidħol f’pajjiżna. Dan ukoll iqajjem dubji dwar il-fatt li Johnston, minkejja li kien imfittex, irnexxielu jiżgiċċa mis-sistemi kollha li suppost jiggarantixxu sigurtà mal-fruntieri tagħna.
Jirriżulta li bejn it-8 ta’ Awwissu, meta Ghirxi infurmat lill-Pulizija li Johnston kien Malta, u t-12 ta’ Awwissu, meta hi nqatlet fis-Swatar, ma sar ebda moviment min-maħa tal-Ispettur li kellu f’idejh il-każ tagħha. Bl-istess spettur jgħid li f’dak il-weekend hu kien maqbud b’xogħol ieħor – bir-rapport jerġa’ jtenni li l-każ ta’ Ghirxi kien kunsidrat bħala low risk.
Stqarrija iebsa ħarġet ilbieraħ mill-Malta Women’s Lobby li qal li r-rapport li ħareġ mill-Bord tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi huwa inkwetanti, u juri nuqqasijiet serji. Dan filwaqt li ħadd mhu jinżamm responsabbli.
Il-Malta Women’s Lobby qed jinsisti li aktar tkaxkir tas-saqajn se jwassal għal aktar vittmi. Dan filwaqt li appellaw għal riformi serji u protezzjoni favur nies vulnerabbli.
//= $special ?>