Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jħallas is-somma ta’ €31,451.10 f’danni lil raġel li spiċċa tneżża’ għarwien għal xejn b’xejn mill-Pulizija li ssuspettat li kien wettaq serqa minn stabbiliment fl-Imrieħel, meta fil-fatt ma kien seraq xejn u li l-Pulizija f’dan il-każ aġixxew b’mod abbużiv, aktar u aktar meta dan kollu wassal għall-vittma għal problemi ta’ saħħa mentali u kien qed jieħu l-kura.
Il-każ seħħ fl-4 ta’ Jannar 2017 ftit ħin waranofsinhar fejn James Paul Formosa kien qiegħed fl-istabbiliment fl-Imrieħel u waqt li kien ħiereġ mill-imsemmi stabbiliment, ġie mwaqqaf minn uffiċjal tas-sigurtà tal-imsemmi stabbiliment wara li dan kellu suspett li James Paul Formosa kien seraq xi
oġġetti wara li għadda mill-counter u ma ħallas għal xejn.
Huwa għadda sabiex iżomm lill-vittma milli joħrog mill-istabbiliment u ħadu fil-boardroom tal-istess stabbiliment sakemm waslu l-Pulizija. Hekk kif waslu l-Pulizija, dawn bdew il-proċedura ta’ tfittxija fuq
persuntu fejn ipproċedew billi neżżawh għarwien quddiem l-istess uffiċjal tas-sigurtà u wara li rriżulta li l-ma kien seraq xejn, hu ġie rilaxxat.
Formosa, li llum għandu 45 sena kien fetaħ kawża fejn qal li l-aġir tal-Pulizija kien wieħed abbużiv u illegali u kissru d-drittijiet fundamentali tiegħu mill-Artikolu 38 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali.
Fil-Qorti huwa qal li minkejja li diversi drabi indika dan permezz ta’ Protesti Ġudizzjarji, il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma għamel xejn u għalhekk kellu jiftaħ il-kawża. Dr. Joseph Spiteri xehed li huwa għadu taħt il-kura tiegħu u tenna li safejn jaf hu qabel l-inċident tal-2017, huwa ma kellu ebda problema ta’ saħħa mentali.
It-tabib qal li kien hemm progress fil-kundizzjoni tiegħu u sostna iżda li kieku lura fl-2017 martu ma’ mbuttatx sabiex jara professjonist, hu ma kienx jaħseb li ma kienx jinsab tajjeb, għax ma kienx jirrealizza.
Iżid li minkejja dan, kien irritabbli u dejjem irrabjat. Jgħid li kien jevita li joħroġ speċjalment jekk ikun jaf li fil-post ser ikun hemm gwardjan jew pulizija.
Jgħid li anke biex jitkellem dwar l-inċident fil-Qorti jiġi anzjuz. Jgħid li l-mediċinali jgħinu iżda ma jsolvux il-problema. Iżid li issa jinsab f’post aħjar minn fejn kien qabel, iżda xorta għadu jkollu ljieli fejn ma’ jorqodtx. It-tabib qal ukoll li għadu s’issa kull meta jara pulizija taqbdu rabja.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana, laqgħet it-talba għad-danni u ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jikkompensa lill-vittma.