Graham Bencini, Shadow Minister għall-Finanzi, saħaq fi stqarrija kif minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom il-qerda ambjentali, it-traffiku u l-problemi infrastrutturali fl-edukazzjoni u s-saħħa, il-Prim Ministru rnexxielu jilħaq rekord tal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu.
Dan ikkonfermah l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif ċifri li ppubblika llum juru kif id-dejn jinsab f’livell ogħla minn €10 biljun. Il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli għal kważi nofs dan id-dejn kollu, bi ftit li xejn għandu x’juri għalih. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn ħames biljun ewro meta Abela ħa f’idejh it-tmun tal-pajjiż, li jfisser li d-dejn taħt Abela rdoppja.
Ironikament, minkejja li fl-aħħar xhur il-Gvern kompla jiġġieled ma’ professjonisti f’setturi differenti, fosthom l-edukaturi, biex iċaħħadhom miż-żidiet li jixirqilhom u li ilu jwegħedhom, irnexxielu jżid in-nefqa tiegħu b’xejn anqas minn €557 miljun fl-ewwel disa’ xhur tas-sena.
Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor li wieħed ma tantx għandu biex ikun kburi bih – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Fil-fatt, bejn Jannar u Settembru, il-Gvern ħaraq €194 miljun mit-taxxi tal-poplu, jew €40 miljun aktar mis-sena li għaddiet, fuq imgħaxijiet fuq id-dejn biss. Dan ifisser €710,000 kuljum.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin ippubblikat aktar kmieni dil-ġimgħa sab li d-deterjorazzjoni tal-qagħda politika u regolatorja qed tagħmel minn pajjiżna wieħed inqas attraenti għall-investiment.
Iż-żieda allarmanti fid-dejn ċertament li ma tgħinx biex toffri stabbiltà u serħan tal-moħħ u dan huwa fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-fatt li, kif wera l-istħarriġ, inqas investituri huma komdi jinvestu iżjed f’pajjiżna.
//= $special ?>