Internazzjonali

Roberta Metsola f’laqgħa mal-Papa Franġisku

Ritratt: Vatican Media

“Ninsab grata għad-diskussjoni estensiva li kellna dwar kif għandu jkun hemm sforz dinji favur il-paċi, il-ġustizzja u l-ħarsien tal-bniedem”.

Kliem il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wara l-udjenza li kellha mal-Papa Franġisku fil-Vatikan. Il-President Metsola u l-Papa ddiskutew it-temi ewlenin fuq l-aġenda Ewropea fosthom; l-Ukrajna, il-migrazzjoni u Lvant Nofsani.

Fuq l-Ukrajna, il-President Metsola saħqet li l-Unjoni Ewropea mhux se ddgħajjef l-appoġġ tagħha lejn dan il-pajjiż. Filwaqt li fuq dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani saħqet dwar il-ħtieġa li jkun hemm sforz Ewropew favur id-de-eskalazzjoni kif ukoll dwar il-bżonn li tinstab it-triq ‘il quddiem biex tirrenja l-paċi fir-reġjun billi jkun hemm żewġ stati li jagħtu perspettiva reali lill-Palestinjani.

Dwar il-migrazzjoni, il-President Metsola enfasizzat il-bżonn li l-Ewropa tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru meta tkun qed tindirizza din l-isfida filwaqt li spjegat li l-ebda pajjiż jew individwu m’għandu jitħalla jfittex il-protezzjoni waħdu.

Roberta Metsola rrimarkat li l-umanità u l-paċi se jibqgħu dejjem fil-qofol tal-ħidma tal-Parlament Ewropew.

Fil-Vatikan, Metsola faħħret il-ħidma bla waqfien tal-Papa Franġisku u t-tmexxija tiegħu biex jippromwovi r-rikonċiljazzjoni u l-paċi.