Sajjied ta’ 35 sena minn Marsaxlokk ingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li spara fuq 10 ħamimiet b’senter tal-kaċċa bla liċenzja. L-arrest ta’ Gregory Carabott seħħ wara li raġel irrappurtah li waqt li kien qiegħed fl-għalqa tiegħu sema’ tir ta’ arma tan-nar, ra ħamiema nieżla u sussegwentment lill-akkużat b’senter tal-kaċċa f’idu jiġbor madwar 10 ħamimiet.
Meta l-Pulizija skopriet minn kien ir-raġel, saret tfittxija fir-residenza tiegħu iżda ma nstab xejn minn dak li kien isemma’ fir-rapport u għalhekk ħadet kampjuni għal traċċi tal-porvli minn fuq l-akkużat u minn fuq il-vettura tiegħu, li rriżultat li kienet bla liċenzja u mingħajr polza tal-assigurazzjoni. Lill-Pulizija rriżultalha wkoll li r-raġel m’għandux liċenzja tal-kaċċa.
Carabott wieġeb mhux ħati bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest bil-Pulizija, iżda, topponi bil-qawwa kollha minħabba li l-persuna kienet fil-pussess ta’ senter li m’għandux liċenzja għaliha waqt li sostniet li hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi waqt li qal li l-arma għadha ma nstabitx.
“Irridu nwasslu messaġġ li l-poplu bl-ebda mod ma jista’ jimmaltratta animal. “M’aħniex f’xi film tal-Western”, sostna l-Avukat Clive Aquilina f’isem l-Avukat Ġenerali li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello.
L-Avukat Franco Debono, li qed jiddefendi lill-akkużat flimkien mal-Avukat Charles Mercieca, irribatta billi qal li l-arma mhux se tinstab għax ir-reat ma seħħ qatt, liema kumment wassal għal reazzjoni mill-Pulizija li infurmat lill-Qorti li fil-karozza tal-imputat instab rix ta’ għasafar.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li Carabott jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija, jiddepożita €1,500 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €5,000 waqt li ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-persuna li għamlet ir-rapport lill-Pulizija.
//= $special ?>