Fuq xewqa tal-Kunsill Lokali Rabat MaltaGħat-tieni sena ser terga’ tittella’ l-Wirja tal-Fidda li ma gietx misruqa mill-ħakma Franċiża u li qed tittella’ mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, flimkien mal-Patrijiet Franġiskani tar-Rabat.
Kien it-2 ta’ Settembru tal-1798 li l-Kummissjoni Repubblikana Franċiża kellha tibgħat is-suldati ħalli jsir l-irkant tal-fided li kien hemm fil-kunventi tar-Rabat u l-Imdina. Dakinhar kienet il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, u l-irkant kellu jibda mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, Ta’ Ġieżu, imma n-Nutar Emmanuele li kien Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp ġabar għadd kbir ta’ fratelli u nies mill-inħawi tar-Rabat biex dan ma jħalluhx isir, u rnexxielu.
Il-wirja, li qed tkun organizzata fuq xewqa tal-Kunsill Lokali Rabat, Malta, se tkun qed tittella’ fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat, Knisja Santa Marija ta’ Ġesù, fir-Rabat, fl-okkażjoni tal-attivita’ Rabat Sacrum, bit-tema ‘Teżori moħbija fl-Imqades Rabtin’ – attivita’ mtella’ mill-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Fis-Santwarju ta’ San Ġużepp wieħed ukoll jista’ jara t-Tubru li kien jintrama fil-knejjes fix-xahar ta’ Novembru jew meta jkun hemm mewt ta’ xi ħadd għoli fis-soċjetà, bħal Papa jew Isqof tad-Djoċesi.
Rabat Sacrum se tittella’ mill-Kunsill Lokali tar-Rabat nhar is-Sibt 2 ta’ Novembru mis-6pm ‘il quddiem u l-għada l-Ħadd 3 ta’ Novembru mid-9am sa 6pm. Din is-sena t-tema principali ser tkun il-Ħakma u Rewwixta tal-Franċiż, fejn il-Ħadd filgħodu ser jittella’ wkoll spettaklu u re-enactment ta’ dak li seħħ fit-toroq Rabtin.
//= $special ?>