Xufier ta’ taxi Libjan, Mohamed Bashir Ibrahim Aljalli, akkużat li ta bis-sikkina lill-passiġġier Brażiljan fil-Belt Valletta wara tilwima dwar sewqan bl-addoċċ u talba addizzjonali għall-ħlas, kienu li wasslu għal ġrieħi serji fuq spallejn il-vittma passiġġier.
Il-kumpilazzjoni tal-provi ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, bdiet kontra x-xufier tat-taxi bil-prosekuzzjoni tfakkar li s-sewwieq Libjan, Mohamed Bashir Ibrahim Aljalli ta’ 37 sena, wieġeb mhux ħati li darab gravi lir-raġel Brażiljan.
Il-vittma xehed li x-xufier tat-taxi tah daqqa ta’ sikkina fi spalltu wara li talbu jsuq bil-mod. Waqt vjaġġ li dam madwar 10 minuti, il-vittma qal li wissa lis-sewwieq għal aktar minn tliet darbiet biex inaqqas mill-veloċità minħabba li kien qed isuq bl-addoċċ u qrib wisq il-bankina. Madankollu, qal li s-sewwieq qallu biex ma jindaħalx fix-xogħol tiegħu.
Fuq il-pedana tax-xhieda, il-vittma stqarr li meta waslu l-Belt, ix-xufier talab il-ħlas tal-vjaġġ minkejja li kien diġà tħallas permezz ta’ app fuq il-mobile. Biex jevita l-inkwiet, ir-raġel Brażiljan tah €10, iżda s-sewwieq ma kienx sodisfatt. Kompla jgħid li s-sewwieq niżel mit-taxi u pprova jintimidah billi offendieh u saħansitra tah daqqa ta’ ponn fix-xedaq.
Meta l-vittma telaq lejn daru, innota dell warajh, u meta dawwar, ra lis-sewwieq ġej warajh. Spjega li għolla jdejh biex jiddefendi lilu nnifsu u nduna li l-aggressur kellu xafra f’idu. Il-vittma kien attakkat bix-xafra mix-xufier, li kkaġunalu ġrieħi fi spalltu, li qal beda joħroġlu ħafna demm. F’dak il-ħin, ix-xufier ħarab minn fuq il-post, u l-vittma mar l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Gabriel Micallef. L-akkużat kien assistit mill-Avukat Julia Micallef Stafrace, filwaqt li għall-vittma dehret l-Avukat Francesca Zarb.