Futbol Sport

Barcelona jirbħu l-El Classico b’mod konvinċenti

(Ritratt: EPA)

Barcelona kisbu l-għaxar rebħa staġjonali, u komplew jestendu l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika għal sitt punti wara l-ewwel ħdax-il partita.

Prestazzjoni stupenda mit-tim ta’ Hansi Flick li ttrasforma l-iskwadra għal kollox. It-tieni rebħa din il-ġimgħa li Barcelona rebħu u skorjaw 4 gowls f’partita, hekk kif iktar kmieni din il-ġimgħa għelbu lil Bayern Munich 4-1, biex ilbieraħ għelbu lil Real Madrid 4-0 fil-Bernabeu.

L-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-gowls, madankollu fl-54 minuta Robert Lewandowski rnexxielu jżomm mal-linja tal-aħħar difensur Mendy biex ħarab b’ġirja u ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Lunin, bil-Pollakk jikkonkludi fil-baxx, qabel ma jerġa’ jsib ix-xibka din id-darba b’daqqa ta’ ras stupenda għall-14-il gowl fil-kampjonat.

Azzjoni stupenda tal-fenominu żagħżugħ Lamine Yamal fis-77 minuta b’xutt b’saħħtu bil-lemin fir-rokna ta’ fuq tal-lemin, qabel Raphinha ħarab b’ġirja minn ma’ Milatoa u qabbeż il-ballun lill-goalkeeper u żewġ difensuri għal ġo xibka.