Lokali

Clyde Caruana jikkonferma li t-tkabbir mgħaġġel fil-pajjiż wassal għal għadd ta’ konsegwenzi

Clyde Caruana jikkonferma li żgur mhux se jneħħi t-taxxa tal-COLA matul il-Budget 2025

“Kieku dak li ġara sar minflok fuq 12-il sena sar fuq 20 sena, l-istorja kienet tkun daqsxejn differenti.”

Il-Ministru Clyde Caruana kkonferma li t-tkabbir mgħaġġel li seħħ fl-aħħar snin f’pajjiżna wassal għal għadd kbir ta’ konsegwenzi.

“Illum il-konsegwenzi li għandna x’inhuma? It-traffiku, il-geġwiġija ta’ nies, l-Isptar, l-iskejjel, konsegwenzi tat-tkabbir mgħaġġel u l-infrastruttura li qed tbati biex tikber.”

Clyde Caruana kien f’diskussjoni fuq Fliving fejn irrikonoxxa l-fatt li llum il-ġurnata n-nies m’għadhomx kuntenti bit-tmexxija tal-Gvern Laburista daqskemm kienu fil-bidu.

“Dak li forsi ġralu l-pajjiż. Kiber ħafna. In-nies ħadu pjaċir fil-bidu. Imma bħal kollox kien hemm il-konsegwenzi. “

U quddiem dawn il-konsegwenzi li semma’ l-Ministru nnifsu, huwa qal li ma jafx kif il-Gvern Laburista se jwassal lil pajjiżna biex jilħaq l-aspettattivi tiegħu… f’kelma oħra, ftit jiem biss qabel il-budget qas biss għandu pjan ċar u fit-tul għal pajjiżna.

“Fil-ħajja dejjem importanti li tkun taf fejn trid tasal. Issa tgħid imma taf kif se tasal? Le.”

Bi Clyde Caruana mill-ġdid iwaħħal fil-pandemija u fil-gwerer, fost l-oħrajn, għaliex pajjiżna, 11-il sena taħt Gvern Laburista, għadu ma ħax lil pajjiżna fid-direzzjoni tant meħtieġa.

“Inti tipprova tfassal triq imma dejjem se jinqala’ – inqalgħet pandemija, inqalgħet gwerra, splodew iż-żjut u l-enerġija. Mhux kollox dritt.”

Clyde Caruana ġie mistoqsi minn Karl Bonaci dwar il-kwistjoni tal-COLA, li kemm il-Partit Nazzjonalista u anke għadd ta’ msieħba soċjali ilhom għal dawn l-aħħar snin jappellaw lill-Gvern Laburista sabiex ma jibqax jintaxxa l-COLA.

“Il-COLA ilha li daħlet f’dan il-pajjiż xi 30 sena u dejjem kienet tiġi ntaxxata. Le m’iniex se nbiddilha.”

Diskors li qalu ftit qabel saħaq li dan se jkun budget li se jilħaq il-ħtiġijiet tan-nies. Iżda, l-imsieħba soċjali ilhom sew jappellaw li l-Gvern ta’ Abela jagħti l-kumpens għall-għoli tal-ħajja b’mod sħiħ.

Intant, Clyde Caruana qal ukoll kif il-pajjiż mhux biss jinsab mifni fid-dejn, iżda saħansitra lanqas biss qed jara lill-pajjiż jagħmel surplus.

“Karl Bonaci: Għandu dejn il-pajjiż?
Clyde Caruana: Mhux ovvja li għandu d-dejn il-pajjiż.
Karl Bonaci: Ħa jagħmel surplus?
Clyde Caruana: Le mhux se jagħmel surplus.”