L-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali għat-Tfal u l-Addoloxxenti (ACAMH) flimkien ma’ Pembroke Atleta organizzaw it-tmien edizzjoni tal-ġirja għall-benesseri mentali, bis-sapport ukoll tal-Eurosport.
L-attività bdiet fis-1:30 pm fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, bil-għan ta’ din il-ġirja huwa li jiżdied il-ħarsien għas-saħħa mentali fit-tfal u ż-żgħażagħ, u li wkoll tinqered l-istigma fil-konfront tan-nies li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali.
Ma’ dan l-istazzjon tkellmet il-Presidenti tal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali għat-Tfal u l-Addoloxxenti Rose Marie Sacco, fejn spjegat li permezz ta’ din l-attività nġabru fondi biex tiżdied l-edukazzjoni f’dan il-qasam.
L-attività kienet tikkonsisti f’ġirjiet ta’ 5km u 10km, kif ukoll mixja ta’ 3km bl-annimali domestiċi. Fost il-ġirjiet, saret ġirja bir-roti ta’ kilometru għat-tfal ta’ età tenera.
Net News tkellem ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-ACAMH, Daniel Vella Fondacaro, li nsista kemm l-isport huwa l-aħjar għodda sabiex jiġġieled l-anzjetà u d-depressjoni, u fl-istess ħin issaħħaħ is-saħħa mentali.
F’din l-attività, ġew organizzati diversi logħob u divertiment immirat għall-familja kollha, b’mod speċjali għat-tfal li pparteċipaw f’dan l-avveniment.
//= $special ?>