“Dan l-iżvilupp huwa r-rovina ta’ din il-lokalità – qed jinkisru l-liġijiet biex jistgħanew il-ftit u din hija theddida għad-demokrazija.”
Kienet din l-għajta ta’ folla mdaqqsa li nġabret biswit il-bajja ta’ San Ġiljan ftit ‘il boghħod minn Villa Rosa fejn qed jiġi propost żvilupp enormi li se jħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Żvilupp li huwa illegali u li għalhekk il-Gvern issuġġerixxa biex ikun hemm bidliet fil-pjan lokali għaz-zona ta’ San Ġiljan.
Andre Callus, f’isem Moviment Graffitti, spjega kif persuna, għax għandu l-flus, qed jiddetta l-liġi.
Dan, hekk kif Callus spjega li dak li ġie żvelat fl-aħħar jiem huwa allarmanti.
Spjega wkoll kif f’dawn l-aħħar jiem ġie żvelat li l-Ministri ltaqgħu ma’ dan l-iżviluppatur, u wara li saret laqgħa bejn l-iżviluppatur, magħruf bħala l-Franċiż, u l-Kabinett, il-Gvern iddeċieda li jaqdi lilu billi jbiddel il-pjanijiet lokali.
Waqt il-protesta, Callus tenna li hija tal-mistħija kif l-iżviluppaturi qed jiġbdu l-ispagi tal-Ministri li suppost qed jibżgħu għall-pajjiż.
Għamel l-indirizz tiegħu ukoll is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat, fejn qal li r-residenti tas-Swieqi huma inkwetati ħafna għax dan l-iżvilupp, li fost oħrajn jinkludi torri ta’ 34 sular; li tfisser ukoll li dan se jkun l-ikbar wieħed f’Malta, u se jħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. U kien hawnhekk fejn appella lill-awtoritajiet biex jagħmlu carrying capacity tas-Swieqi.
Il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan, Sean Gauci, qal li l-Gvern donnu għandu x’jaħbi hekk kif il-laqgħat mal-iżviluppatur saru fil-moħbi.
Preżenti għal din il-protesta kien hemm ukoll rappreżentanti minn Din l-Art Ħelwa u Flimkien Għal Ambjent Aħjar fejn tkellmu dwar kemm dan l-iżvilupp huwa ġennata u ħanżirata li se ssarraf f’dell kbir fuq il-bajja ta’ San Ġorġ.
Astrid Vella staqsiet ukoll fejn hi l-attenzjoni għas-saħħa mentali.
Dan filwaqt li ġie spjegat ukoll li 10 snin ilu kien diġà sar masterplan li fih ir-residenti ma ġewx ikkonsultati. Eventwalment, dan il-masterplan ma kienx ġie approvat, però issa qed naraw kif bil-mod il-mod l-iżvilupp kollu xorta qed isir.
//= $special ?>