Raġel mill-Irlanda ta’ Fuq, Alexander McCartney, ġie kkundannat għal għomru ħabs b’minimu ta’ 20 sena għal abbuż sesswali estrem fuq l-internet fuq tfal kif ukoll il-qtil involontarju ta’ tifla ta’ 12-il sena.
McCartney ammetta għal 185 akkuża, inkluż aktar minn 50 reat ta’ rikatt, u li ħoloq profili foloz fejn b’kollox 3,500 vittma ta’ bejn l-10 u s-16-il sena minn aktar minn 30 pajjiż, sfaw vittma. Huwa wieġeb ħati tal-qtil involontarju wara li tifla ta’ 12-il sena mill-Istati Uniti, Cimarron Thomas, għamlet suwiċidju waqt li kien qed jabbuża minnha. B’missierha wkoll jagħmel suwiċidju ftit wara hekk kif ma setax jifhem għalfejn bintu ħadet ħajjitha b’idha.
Ir-reati ta’ McCartney saru bejn l-2013 u l-2019 u ġew deskritti bħala “l-akbar każ ta’ catfishing fir-Renju Unit”. Huwa avviċina lill-maġġoranza tal-vittmi tiegħu fuq Snapchat, billi uża persuni foloz biex iħajjarhom jibagħtu ritratti intimi u jirrikattawhom għal ritratti aktar estremi.
Huwa ġiegħel lit-tfal jinvolvu lil ħuthom iż-żgħar fl-abbuż, li kien jinkludi wkoll annimali domestiċi u oġġetti tal-familja. Il-kumpanija Snapchat esprimiet l-appoġġ tagħha għall-vittmi ta’ McCartney u żiedet tgħid li se jkun hemm protezzjoni addizzjonali għall-adoloxxenti biex ma tħallihomx jiġu kkuntattjati minn barranin.