Futbol Sport

Manchester City momentarjament fl-ewwel post b’rebħa fuq Southampton

Manchester City kisbu rebħa minima imma importanti mmens ta’ 1-0 fuq Southampton hekk kif issa s-Citizens jitilgħu fl-ewwel post b’mod momentarju hekk kif Liverpool imisshom jaffrontaw lil Arsenal f’konfront missielet illum fil-5:30pm.

Il-gowl deċiżiv wasal wara biss 5 minuti logħob mill-attakkant prolifiku Erling Haaland minn kross ta’ Matheus Nunes. Nunes li qed ikompli jimprjessjona wara l-akkwist li wasal fis-sajf, ma ngħatax iċ-ċans ewlieni fl-ewwel parti tal-istaġun.

Min-naħa l-oħra, Aston Villa fallew milli jirbħu f’Villa Park kontra Bournemouth bl-iskor finali jkun 1-1. Villa li jinsabu f’forma tajba ħafna, fejn qed jokkupaw l-ewwel post fil-UEFA Champions League bi tliet rebħiet minn tlieta, u momentarjament jokkupaw it-tielet post fil-Premier League bi 18-il punt wara 9 partiti, medja ta’ żewġ punti kull partita.

Il-Villians kellhom ċans imorru fil-vantaġġ fit-28 minuta permezz ta’ John McGinn, madankollu l-gowl kien imħassar mill-VAR.

Ross Barkley kien l-awtur tal-ewwel gowl validu tal-partita fis-76 minuta b’xutt mill-viċin mis-suġġeriment bir-ras ta’ Bailey, li din is-sena taħt it-tmexxija ta’ Unai Emery qiegħed ikollu staġun eċċezzjonali.

Iċ-cherries ċaħdu lill-Villians mit-tliet punti fis-96 minuta meta l-attakkant Brażiljan Evanilson xeħet ġewwa bir-ras mill-kross ta’ Tavernier.

Partita spettakolari bejn Brentford u Ipswich Town bl-iskor finali jkun 4-3, li jfisser li in-neopromossi Ipswich għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa wara 9 partiti.

Ipswich Town marru fil-vantaġġ wara 28 minuta minn Sammie Szmodics, u rdoppjaw l-iskor tilet minuti wara minn George Hirst.

Hekk kif kollox kien jidher li Ipswich deħlin jistrieħu b’vantaġġ ta’ żewġ gowls, gowl minn Yoanne Wissa fl-44 minuta u awtogowl ta’ Harry Clarke fil-ħin miżjud, jagħmlu l-iskor indaqs.

It-talisman Bryan Mbeumo kkonverta penalty fil-51 minuta biex dawwar totalment il-partita favur Brentford, qabel l-isfortuna ta’ Ipswich tkompli tikber fid-69 minuta meta tkompliet il-partita diżastruża ta’ Harry Clarke li ntwera t-tieni karta safra tiegħu tal-partita.

Minkejja l-iżvantaġġ numeriku, Ipswich għamlu l-iskor indaqs għat-tielet darba fil-partita permezz tal-Eks City Liam Delap, qabel Bryan Mbuemo skorja d-dopjetta personali b’gowl ieħor fis-96 minuta.

Wolves kisbu l-ewwel riżultat li mhux telfa, wara 6 partiti konsekuttivi hekk kif temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Brighton.

Kienu gowls fl-aħħar li salvaw lil Wolverhampton, hekk kif Danny Welback skorja fl-ewwel taqsima, qabel Evan Ferguson żied ieħor għal Brighton fil-85 minuta.

Hekk kif kollox kien jidher li Wolves se jieħdu s-seba’ telfa konsekuttiva, gowls ta’ Rayan Ait-Nouri fit-88 minuta u ta’ Matheus Cunnha fit-93 minuta ġabu punt prezzjuż għal Wolves.

U f’ġurnata mimlija gowls fl-aħħar sekondi, fil-partita bejn Everton u Fulham, dan ma kienx nieqes hekk kif Everton salvaw punt fl-aħħar permezz tal-gowl ta’ Beto fl-94 minuta bl-iskor finali jkun1-1, hekk kif Alex Iwobi kien l-ewwel li sab ix-xibka fil-61 minuta mill-assist ta’ Smith Rowe, żewġ Eks Arsenal deċiżivi fl-azzjoni tal-gowl ta’ Fulham.

PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa
Leicester v Nottingham 1-3
Illum
A.Villa v Bournemouth 1-1
Brentfrod v I.Town 4-3
Brighton v Wolves 2-2
Man.City v Southampton 1-0
Everton v Fulham 1-1

Għada
Chelsea v Newcastle U 3:00pm
C.Palace v Tottenham 3:00pm
West Ham v Man. U. 3:00pm
Arsenal v Liverpool 5:30pm