Lokali Qorti

Raġel u martu jispiċċaw jibku fil-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika

Raġel u mara miżżewġin spiċċaw jibku fil-Qorti hekk kif ir-raġel ammetta li weġġa’ ħafif lil martu filwaqt li qal li jħobbha ħafna iżda jinsabu għaddejjin “minn mument diffiċli.” Il-professjonist tal-kura tas-saħħa li għandu 55 sena, li ismu kien ipprojbit mill-pubblikazzjoni mill-Qorti, wieġeb ħati li kkaġuna lil martu biża’ mill-vjolenza kif ukoll li weġġagħha ħafif f’inċident li seħħ nhar il-Ħamis fid-dar tal-koppja.

Il-mara sofriet feriti u brix fil-wiċċ, iċċertifikati medikament bħala ħfief. Iżda żewġha nstema’ jgħid lit-tabib biex ma jirrapportax l-inċident, u li sostna li l-koppja kienu qed jiġu mmonitorjati minn terapista tal-familja u b’hekk, is-sitwazzjoni taż-żwieġ tagħhom kienet taħt kontroll, spjega l-Ispettur Roderick Attard li ppreżenta l-akkużi.

L-imputat irreġistra ammissjoni u qabad jibki hekk kif ipprova jispjega li hu u l-vittma kienu “għaddew minn waħda kbira.” Madankollu hu kien iħobb ħafna lil martu, qal l-akkużat bid-dmugħ f’għajnejh, hekk kif l-avukat difensur Franco Debono mar ħdejh fl-iżbarra biex ifittex li jikkalma lir-raġel.

L-Avukat tal-parte civile Lennox Vella, li assista lill-mara li kienet preżenti l-Qorti, ukoll bid-dmugħ f’għajnejh, spjega li l-klijenta tħobb ukoll lil żewġha. Riedet ukoll tirranġa l-affarijiet imma xtaqet li żewġha jfittex għajnuna professjonali biex jindirizza l-problemi personali tiegħu.

L-avukat talab lill-Qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Id-difiża ma oġġezzjonatx għal dan, u żiedet it-talba tagħhom li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet iż-żewġ talbiet u ħarġet ukoll ordni ta’ superviżjoni temporanja filwaqt li laqgħet it-talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża sostniet li għall-akkużat din kienet l-ewwel darba li kiser dufrejh mal-liġi u għandu kondotta nadifa. It-tnejn li huma xtaqu jirrikonċiljaw u barra minn hekk, l-akkużat kien lest li jfittex għajnuna u gwida biex isolvi l-kwistjonijiet personali tiegħu u jsalva ż-żwieġ tiegħu.

Fid-dawl ta’ dawn is-sottomissjonijiet, il-Qorti laqgħet it-talba għal-libertà proviżorja.

L-Ispettur Roderick Attard mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri.