Lokali

Stħarriġ tal-EY juri li Malta mhux qed tkun attraenti biżżejjed għall-investiment barrani

L-aħħar stħarriġ tal-kumpanija Ernst & Young żvela xejriet inkwetanti dwar il-kompetittività ta’ pajjiżna. Fil-fatt, l-istħarriġ wera kif kważi nofs il-kumpaniji li jinvestu f’Malta jemmnu li Malta mhux qed tkun attraenti biżzejjed għall-investiment barrani.

Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 5% fuq is-sena l-oħra, filwaqt li l-livell ta’ fiduċja fl-ekonomija ma laħaqx il-quċċata tal-2019. L-istħarriġ jindika wkoll li 38% tal-kumpaniji għandhom il-pjan li jkabbru l-investiment tagħhom f’Malta fis-sena li ġejja. Dan il-perċentwal għadu inqas mil-livelli tal-irkupru wara l-pandemija fl-2022, meta 46% kienu qed jippjanaw li jkabbru l-operat tagħhom f’Malta.

L-ikbar sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-investituri huma l-iżviluppi fis-sistema tat-tassazzjoni internazzjonali u n-nuqqas ta’ ħiliet speċjalizzati fil-ħaddiema, b’kull wieħed minn dawn il-fatturi identifikat minn 50% tal-parteċipanti. Barra minn hekk, 42% urew tħassib dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta, fattur li żdied b’mod sinifikanti matul din is-sena.

In-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tat-trasport u l-logistika hi raguni oħra għalfejn qed tkompli titnaqqar il-fiduċja tal-investituri f’Malta.

Investituri identifikaw ukoll prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati minnufih bħal titjib fl-infrastruttura, it-trasport, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-pjan fit-tul bħala l-aktar oqsma li Malta trid tinvesti fihom biex tibqa’ kompetittiva fil-livell globali.

Fil-konferenża tal-EY irriżulta li l-istrategija tal-Gvern li jaħtar nies tal-qalba fl-istituzzjonijiet mhux tippermetti li jkun hemm governanza tajba li wieħed jippretendi f’demokrazija. Din il-prassi qed twassal biex f’għajnejn investituri potenzjali, tkompli tittappan ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

L-istħarriġ tal-EY kompla jikkonferma kif l-ekonomija miftuħa ta’ Malta tista’ tirnexxi biss fit-tul jekk toffri pakkett attraenti ta’ vantaġġi kompetittivi, speċjalment għal investituri barranin, u mhux bi kliem fieragħ mill-politiċi li jtappan ir-realtà li qed jiffaċċja l-pajjiż hekk kif iktar kemm jgħaddi żmien, l-attrazzjoni għall-investituri barranin dejjem qed tonqos.