L-avukat Jason Azzopardi appella fil-Qorti, fuq libell li kien tilef mal-Eks Ministru Carmelo Abela wara li l-Maġistrat Rachel Montebello kienet iddikjarat li għamel kummenti malafamanti u ta’ disrispett kontra l-Eks Ministru Carmelo Abela meta allega li Abela kellu x’jaqsam ma’ serqa falluta fl-HSBC Ħal Qormi, lura fl-2010.
L-Avukat Azzopardi kien tefa’ post fuq Facebook f’April tal-2021, meta kien għadu Deputat Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista u meta Carmelo Abela kien għadu Ministru. Il-Qorti kienet sabet lil Azzopardi ħati u ordnatlu jħallas lil Abela €7,000 f’danni flimkien mal-ispejjeż tal-Qorti wara li kkonkludiet li l-‘post’ kien “malafamanti u irresponsabbli”.
Il-Qorti ma qablitx mad-difiża ta’ Azzopardi, li kienet ibbażat fuq l-Att dwar il-Midja u l-Malafama, li d-dikjarazzjoni tiegħu kienet “opinjoni onesta”. Dr. Azzopardi qal fl-appell li l-kummenti tiegħu saru wara l-istqarrijiet ta’ tliet individwi li tressqu l-Qorti minħabba r-rwol tagħhom fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li kienu marbuta mas-serqa. Referenza għal Vince Muscat “il-Koħħu” u l-aħwa George u Alfred Degiorgio.
L-aħwa Degiorgio qalu fil-Qorti li Abela, li dak iż-żmien kien impjegat tal-HSBC, kien involut fis-serqa kemm-il darba u kkonfermaw din id-dikjarazzjoni taħt ġurament. Muscat ukoll kien semma li Ministru kellu x’jaqsam mas-serqa, iżda ma kienx ikkonferma l-identità.
Dwar dan il-punt, il-Maġistrat Montebello kienet qalet fis-sentenza tagħha li l-aħwa Degiorgio semmew lil Abela b’mod espliċitu wara l-kummenti ta’ Azzopardi, u caħdet id-difiża tiegħu tal-opinjoni onesta. Azzopardi mhux jaqbel ma’ din l-interpretazzjoni bħala skorretta għaliex argumenta li “dawn iż-żewġ elementi huma biżżejjed għal difiża ta’ opinjoni onesta”.
F’dan il-każ, hu argumenta li d-dikjarazzjonijiet tal-aħwa Degiorgio kienu diġà saru qabel ma kkummenta hu. L-appell isemmi wkoll numru ta’ artikli tal-aħbarijiet miktuba bejn l-2010 u l-2021 li hu l-perjodu bejn meta seħħet is-serqa u meta Azzopardi tefa’ l-post fuq Facebook li wassal għall-kawża tal-libell.
F’dan il-kuntest, Dr. Azzopardi qal li hu “għamel dak li jagħmel kwalunkwe persuna oħra b’intelliġenza ordinarja u ġibed il-konklużjonijiet tiegħu meta qara dawk l-artikli dwar is-serqa”. Qal ukoll li d-dikjarazzjonijiet tiegħu kienu bbażati fuq materjal li jinsab fid-dominju pubbliku.
L-Avukat Azzopardi qal ukoll li hu għamel l-istess dikjarazzjoni fix-xhieda tiegħu u l-appell jinnota li hu qatt ma ġie kontroeżaminat fuqha. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala verità. L-appell ta’ Azzopardi saħaq ukoll li l-Maġistrat ibbażat is-sentenza tagħha fuq interpretazzjoni u applikazzjoni skorretta tal-liġi relevanti.
Azzopardi appella permezz tal-avukat Joe Zammit Maempel u l-prokuratur legali Jean P. Busuttil fejn qed jargumentaw li l-liġi ġiet interpretata u applikata b’mod skorrett u li l-evalwazzjoni tal-fatti u l-evidenza wkoll kien skorrett.
//= $special ?>