F’dik li hija bla dubju l-ikbar partita fl-Italja, id-Derby d’Italia bejn Inter u Juventus kienet probabbilment l-iktar partita eċċitanti tal-istaġun ukoll, hekk kif rajna xejn inqas minn tmien gowls f’konfront kumbattut għall-aħħar, bi prestazzjoni kbira miż-żewġ timijiet u l-iskor finali jkun 4-4.
In-Nerazzuri ħarġu fuq l-offensiva ġewwa l-Giuseppe Meazza hekk kif wara biss kwarta logħob il-veteran Danilo kkommetta foul fuq Thuram fil-kaxxa, bir-referee jsaffar penalty. Kien il-Polakk Piotr Zielinski li nkariga ruħu mill-penalty, bil-midfielder jixxutja ċentrali u jiftaħ l-iskor.
Il-Bianconeri ma damux ma sabu x-xibka hekk kif ħames minuti wara, bravura tad-difensur laterali, Cabal lejn l-inzeriment tajjeb ta’ McKennie, bl-Amerikan iwaqqa l-ballun fuq platt għal Dusan Vlahovic li minn ftit metri ‘l bogħod ma jaħfirx.
Juventus fil-vantaġġ għall-ewwel u l-unika darba fis-26 minuta meta Francisco Conceicao b’ġirja individwali mil-lemin jilgħab il-ballun lejn Weah, bl-Amerikan jikkonkludi b’xutt tajjeb.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima Inter irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ b’żewġ gowls f’żewġ minuti, kien l-ewwel l-Armen Henrikh Mkhitaryan li kellu skambju tajjeb ma’ Thuram u xxuttja xutt minn barra l-kaxxa fejn sab ir-rokna t’isfel tal-lemin għall-gowlt tad-draw fil-35 minuta, qabel Piotr Zielinski jiskorja t-tieni penalty tal-partita, din id-darba l-penalty jasal minn foul ta’ Kalulu fuq Dumfries fil-kaxxa.
Kollox kien jidher li Inter ħarbu bil-partita fit-53 minuta hekk kif Denzil Dumfries jiskorja r-raba’ gowl ta’ Inter fit-53 minuta b’xutt baxx u b’saħħtu.
Il-partita nbiddlet totalment meta fit-62 minuta jidħol l-istilla żagħżugħa Kenan Yildiz, bit-Tork jikkonkludi azzjoni brillanti fil-71 minuta b’xutt b’saħħtu bix-xellug biex l-iskor isir 4-3.
11-il minuta wara, l-istess Kenan Yildiz isib ix-xibka b’gowl simili din id-darba minn kross tajjeb ta’ Conceicao.
//= $special ?>