Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jagħti direzzjoni lill-pajjiżna sabiex ikompli jikber” – Bernard Grech

“Aħna nemmnu u kunfidenti li pajjiżna għad għandu fejn jikber u jimmatura, għad għandu fejn jimxi ‘l quddiem.”

Kien dan kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech fi djalogu li sar f’Bormla l-Ħadd filgħodu, fejn spjega li pajjiżna għadu żagħżugħ; 20 sena mill-isħubija mal-Unjoni Ewropea, 60 sena mill-kisba ta’ Malta Indipendenti, 50 sena minn Malta Repubblika.

Huwa proprju wara dawn il-kisbiet importanti li pajjiżna għandu bżonn Gvern ġdid Nazzjonalista li għandu rieda politika sabiex jibqa’ jkabbar lill-pajjiż żagħżugħ b’direzzjoni ċara.

Bernard Grech spjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista għażel it-tema ‘Malta Żagħżugħa’ għalll-Kunsill Ġenerali għaliex pajjiżna jista’ jkun mimli inizjattivi b’rieda politika li jirriżultaw f’opportuniatjiet u tkabbir soċjali, kulturali, ta’ valuri u ekonomiċi. Fosthom billi joffri opportunitajiet liż-żgħażagħ sabiex jirnexxu f’pajjiżna.

Intant, proprju lejlet il-jum tal-Budget tal-2025, Bernard Grech appella lill-Gvern sabiex ma jerġax jintaxxa l-COLA, filwaqt li wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux talli mhux ħa jkun qed jintaxxa l-COLA, iżda se jkun qed jinċentiva wkoll lill-ħaddiema self employed, fost ħafna miżuri oħra.

Fejn spjega wkoll li Gvern ġdid Nazzjonalista dejjem se jibqa’ jipprijoritizza l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, minn kull aspett. Fosthom dak li huwa l-aktar bażiku; is-saħħa u l-ambjent, mill-għeruq tal-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa għalhekk li saħaq li l-Partit Nazzjonalista; se jagħti valur lit-trobbija tal-ġenerazzjoni futuri ta’ pajjiżna billi jgħin lil ġenituri b’numru ta’ miżuri. Fosthom; billi jnaqqas il-parent rate għall-ġentiruti sabiex iħallsu inqas income tax, jagħti allowance ġdida lill-ġenituri li ma jħallsux taxxa filwaqt li japplika rata prefernzjali ta’ taxxa għall-ġenituri sakemm it-tfal tagħhom ikomplu jistudjaw.

Intant, Bernard Grech tenna li l-poplu dejjem miexi ‘l quddiem, u għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed imexxi l-pajjiż ‘il quddiem ukoll għaliex għandu r-rieda politika li jagħmel dan.

Bernard Grech enfasizza wkoll li pajjiżna għandu jagħti valur lis-snajja u lill-arti, billi jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ fis-settur tax-xogħol tal-id.