Internazzjonali

Il-Ġappun: Il-Partit LPD ta’ Shigeru Ishiba jonqos mill-maġġoranza

L-indikazzjonijiet mill-Ġappun huma li l-Partit Liberali Demokratiku (LDP) fil-Gvern naqas milli jikseb maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali li ssejħet qabel iż-żmien. L-exit polls issuġġerew li l-LDP se jirbaħ bejn 153 u 219 siġġu fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament – bil-Partit Demokratiku Kostituzzjonali (CDP) mistenni jirbaħ bejn 128 u 191 siġġu.

Kwalunkwe partit jeħtieġ li jirbaħ 233 siġġu biex jikkontrolla l-Kamra t’Isfel tal-Parlament, magħruf bħala Diet, u li jfisser li l-LDP se jeħtieġ li jissieħeb f’koalizzjoni biex ikompli fil-poter.

L-LDP, qabel, kien f’koalizzjoni mal-Partit ta’ Komeito – entità politika ħafna iżgħar minnu – u meta l-aħħar stħarriġ minn Tokjo kien qed jindika li ż-żewġ partiti flimkien ukoll ma kenux se jikbsu maġġoranza. Dan fost l-inċertezza dwar l-amministrazzjoni tal-Ġappun, li hu r-raba’ l-akbar ekonomija fid-dinja.

L-elezzjoni ssejħet mill-Kap ġdid tal-LDP, Shigeru Ishiba, tlett ijiem biss wara li hu ntgħażel biex imexxi lill-Partit fil-Gvern –  u jerġa’ qabel hu kien ħa l-ġurament bħala Prim Ministru Ġappuniż.

Fl-aħħar snin, il-Partit LDP għadda minn sensiela ta’ skandli fost l-apatija tal-elettorat u riżultati negattivi rekord fl-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni – tant li l-partit aktar kmieni fis-sena, kellu rata ta’ approvazzjoni ekwivalenti biss għal 20 fil-mija.

Madankollu, il-Partiti fl-Oppożizzjoni naqsu milli jingħaqdu bħala entità waħda effettiva inkella jikkonvinċu lill-votanti li huma ‘l-għażla ideali tal-poplu’ biex jiggvernaw. Fil-fatt, l-akbar partit tal-Oppożizzjoni kellu rata ta’ approvaqzzjoni ta’ ftit anqas minn seba’ fil-mija qabel laħaq xolja l-Parlament.