Internazzjonali

Il-Ġorġja: L-Oppożizzjoni ma taċċettax ir-riżultat tal-vot ‘immanipulat’

Il-gruppi tal-Oppożizzjoni f’Ġorġja qed jirrifjutaw li jaċċettaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li qed jidhru li spiċċaw f’rebħa għall-Partit fil-Gvern. Entità awtoritarja li hi disposta biex issegwi l-politika tar-Russja.

Intant, il-partiti tal-Oppożizzjoni, li huma favur il-Punent u r-Repubblika ta’ Ġorġja, ‘il quddiem, tifforma parti mill-Unjoni Ewropea, insistew li l-elezzjoni kienet immanipulata favur il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana fil-Gvern, immexxi min-negozjant biljunarju Bidzina Ivanishvili.

L-elezzjonijiet fil-Ġorġja huma partikularment importanti għaliex minnhom jiddependi t-triq li għandu jaqbad il-pajjiż matul is-snin li ġejjin.

Il-maġġoranza tal-Ġorġjani jridu futur bħala membri tal-‘Familja Ewropea’ iżda fl-aħħar sigħat, il-Partit ta’ Bidzina Ivanishvili kien qed jinsisti li rebaħ l-elezzjonijiet b’maġġoranza assoluta – u bil-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f’Tbilisi ssostni li l-partit fil-Gvern, fil-fatt, kien rebaħ mal-54 fil-mija tal-vot wara li kienu ngħaddew il-voti minn 99 fil-mija tad-distretti tal-Ġorġja.

Madankollu, ir-riżultati inizjali mill-Ġorġja huma drammatikament differenti minn dawk tal-exit polls min-naħa tal-esperti u osservaturi tal-Punent.

Dan waqt li l-kelliema għall-Oppożizzjoni Ġorġjana baqgħu jinsistu li l-elezzjonijiet kienu ‘falsifikati u misruqin lill-poplu’ u li l-Partit għall-Ħolma Ġorġjana wettaq ‘kolp ta’ stat Kostituzzjonali’. L-analisti qalu wkoll li ż-żieda tal-voti għall-partit ta’ Bidzina Ivanishvili lanqas ma tista’ titqies bħala waħda kredibbli.

Il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana ilu 12-il sena fil-poter u meta l-erba’ gruppi politiċi tal-Oppożizzjoni – kollha favur l-UE – qed jippruvaw jibdlu l-aġenda politika f’Tbilisi. Intant, numru kbir ħafna ta’ Ġorġjani vvutaw fl-elezzjonijiet tas-Sibt u meta ħarġu diversi rapporti dwar abbużi fil-proċess tal-votazzjoni – minbarra każi ta’ vjolenza f’numru ta’ distretti elettorali.