Lokali

Is-settur tad-diżabbiltà jeħtieġ ikollu pjan u viżjoni ċara – Amy Camilleri Zahra

Għandna bżonn, illum qabel għada, nibdew ninċentivaw b’serjetà qawwija lill-professjonisti hekk kif pajjiżna qed jgħix brain drain, nuqqas kbir minħabba l-fatt li diversi minnhom qed jitilqu minn xogħolhom minħabba burn out mentali tagħhom.

Sostniet dan Amy Camilleri Zahra l-Ħadd filgħodu, f’Bormla, waqt attività tal-Partit Nazzjonalista hekk kif spjegat li għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali, li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan filwaqt li fuq tema oħra, insistiet li fil-qasam tad-diżabbiltà l-Gvern għad fadallu ħafna x’jitgħallem, fost oħrajn fuq l-aċċessibbiltà.

Camilleri Zahra saħqet li bosta jsofru impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom hekk kif isibu diversi ostakli kemm biex imorru jaħdmu kif ukoll biex jaċċessaw l-edukazzjoni tagħhom.

Iżda stqarret li meta wieħed jitkellem fuq aċċessibiltà fiżika, mhux biss fuq xogħol u skejjel iżda anke biex jaċċessaw postijiet ta’ divertiment u ta’ kultura.

Hija spjegat li pajjiżna mhux biss jeħtieġ jindirizza l-inufrzar f’dan il-qasam, iżda ħtieġa ta’ bżonn ta’ viżjoni fit-tul biex tinħoloq soċjetà inklussiva.