Internazzjonali

Iżrael: Attakk terroristiku fuq iċ-ċivili f’Tel Aviv

Raġel tilef ħajtu, b’għexieren ta’ persuni jispiċċaw midruba wara li trakk baqa’ dieħel fuq in-nies preżenti f’zona fejn hemm venda għall-karozzi tal-linja fil-belt Iżraeljana ta’ Tel Aviv.

Fiz-zona ta’ Glilot, fejn seħħ l-attakk, hemm ukoll il-kwartieri ġenerali tal-aġenzija sigrieta tal-Mossad – b’numru ta’ midruba jispiċċaw f’kundizzjoni kritika.

L-azzjoni ssemmet bħala waħda terroristika li seħħet ‘b’riżultat tal-gwerra ta’ Gaza’. Il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani, sadanittant, qalu li l-aggressur – Iżraeljan ta’ nisel Għarbi – kien qed jaġixxi waħdu, b’dan jispiċċa maqtul hu wkoll wara li fetaħ in-nar fuqu raġel ieħor li nzerta f’dawk l-inħawi.

Sar magħruf ukoll li fost il-vittmi kien hemm ħafna anzjani li ntlaqtu mit-trakk ftit wara li huma kienu niżlu minn xarabank li waslet f’dik iz-zona ta’ Tel Aviv.