Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of The Workers, Josef Vella, stqarr li jekk għada l-Gvern ma jneħħix it-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA verament ikun każ li qiegħed iwebbes rasu.
Dan għaliex mhux qed jara għalfejn m’għandux ineħħiha, filwaqt li insista li kemm il-UĦM, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista ilhom xhur sħaħ jappellaw biex din it-taxxa tinqata’, taxxa li l-poplu Malti u Għawdxi jkun diġà ħallas għaliha.
Intant, sostna li preżentament f’pajjiżna qed naraw tbatija kbira fis-soċjetà tagħna, tbatija xprunata minn mudell ekonomiku mbuttat minn Gvern Laburista.
Huwa saħaq li l-kwalità tal-ħajja naqset drastikament, naqas l-ispazju fi djar fejn noqogħdu, u tlifna persuna d-dar hekk kif il-ġenituri kollha jkunu sfurzati joħorġu jaħdmu… bosta jisħqu li tlifna d-dritt ta’ trobbija, fatt li qed jaffettwa d-demografija għax m’għadx għandna ċans inrabbu.
Finalment huwa spjega li pajjiżna jeħtieġlu studju ċar u speċifiku, studju li juri kemm verament pajjiżna jiflaħ nies fi ħdanu.
Dan għaliex il-mudell ekonomiku ta’ Gvern tal-Labour, dik tal-kwantità fuq il-kwalità faqgħet pajjiż; bis-sistema tad-dawl u ta’ drenaġġ flimkien mat-traffiku mhux qed ilaħqu maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.