Basketball Sport

John Tabone Shield: Finali bejn Hibernians u Luxol Sherries Estates

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians……………………..83

Starlites JSD……………………71

(17-18)(19-17)(15-11)(32-25)

Hibernians temmew id-dominju tal-aħħar snin ta’ Starlites fil-kompetizzjoni tas-shield li rebħu għal tliet staġuni konsekuttivi. Fl-ewwel semifinali, it-tim ta’ Raħal Ġdid ħarġu rebbieħa 83-71f’partita missielta.

Starlites kellhom ġurnata negattiva f’waħda mill-aqwa armi tagħhom, it-three pointers fejn għamlu 10 minn 47 tentattiv. Il-kontribut ta’ Hibs minn ġewwa z-zona kien strumentali hekk kif għamlu 46 punt mit-total ta’ 83. Hibernians fetħu b’pass qawwi, b’run bikrija ta’ 6-0 bil-punti ta’ Tederick Wolfe, Matthew Gouder u Derek Brown. Starlites wieġbu maljar b’seba’ punti mingħajr risposta minn Joe Davies u Trevon Reddish. Hibernians reġgħu ħadu l-vantaġġ b’punti minn Ivan Demcesen, iżda Starlites wieġbu bi tliet trippli konsekuttivi fosthom tnejn minn Curran. Lejn tmiem il-perjodu Hibs reġgħu marru minn fuq iżda żewġ free-throws ta’ Davis raw lil Starlites jagħlqu l-ewwel sessjoni fuq quddiem 18-17.

Fit-tieni perjodu, Hibernians bdew b’run inizjali ta’ 7-2 minn Wolfe u Demcesen, li tathom il-vantaġġ 23-21. Starlites baqgħu qrib permezz ta’ punti minn Curran u trippla ta’ Kurt Xuereb. Iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin fejn Hibs kellhom il-punti minn Wolfre u Miguel Mallia, b’Andrew Aquilina u Curran iwieġbu għal Starlites biex fl-intervall Hibs kienu punt minn fuq 36-35.

It-tielet taqsima kienet maqsuma bejn iż-żewġ timijiet. Starlites bdew bi break ta’ 7-3 bil-punti ta’ Reddish u Kolten Mortensen. Ir-risposta ta’ Hibs issarrfet f’run ta’ 12-1 b’Demcesen u Wolfe protagonisti. Lejn it-tmiem, Davies naqqas id-distakk bi tliet punti għal skor ta’ 51-46.

L-aħħar taqsima fetħet bil-punti ta’ Demcesen hekk kif Hibs kabbru l-vantaġġ għal disa’ punti. Curran wieġeb b’żewġ trippli għal Starlites, però Hibs ukoll kellhom żewġ trippli konsekuttivi minn Gouder u Matthew Attard. Wara li fl-aħħar żewġ minuti Hibs kellhom vantaġġ ta’ 8 punti, 73-65, żewġ trippli konsekuttivi minn Mortensen u Xuereb raw lil Starlites jiftħu l-partita mill-ġdid. Starlites bdew jagħmlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ però Hibs kienu preċiżi mill-freethrow line bi tmienja minn tmienja biex ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 83-71.

Hiberians: N. Cassar 4, T. Wolfe 32, D. Brown 12. P. Attard, L. Attard, V. Kustudija, A. Axiaq, M. Gouder 7, M. Attard 7, M. Mallia 2, I. Demcesen 17, S. Simic 2.

Starlites JSD: B. Curran 15, A. Aquilina 5, K. Fabri, I. Felice Pace, M. Fabri 5, J. Davies 12, M. Scerri 2, L. Farrugia, K. Xuereb 6, N. Sultana, T. Reddish 19, K. Mortensen 7.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon.

Luxol Sherries Estates………………78

Sigma Depiro…………………………..69

(20-13)(21-19)(15-13)(22-24)

Se jkunu Luxol Sherries Estates il-finalisti tal-John Tabone Shield kontra Hibernians tal-Ħadd li ġej biex b’hekk kemm il-finali tal-irġiel u dik tan-nisa se jaraw lil Luxol jaffrontraw lil Hibernians.

Għal darb’oħra l-Amerikani ta’ Luxol kienu protagonisti hekk kif qasmu bejniethom 50 punt flimkien mal-kontribut ta’ Vukassin Jandric u Nathan Xuereb. Depiro kienu sfortunati li tilfu lill-Amerikan il-ġdid tagħhom Brandon Porter wara l-partita stupenda li kellu fid-debutt tiegħu.

Luxol bdew b’saħħithom u fetħu l-punteġġ b’run ta’ 8-2 grazzi għal Darron Howard u Jandric, li tawhom vantaġġ kmieni. Depiro wieġbu permezz ta’ Dominic Tomasi u David Bugeja flimkien ma’ trippla ta’ Miguel Brincat. Fl-aħħar minuti tas-sessjoni, Luxol żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Jandric u punti minn Howard u Xuereb u għalqu l-perjodu fuq quddiem 20-13.

Fit-tieni perjodu, Depiro kellhom fost l-oħrajn il-punti ta’ Bugeja u Cornelius għamel three-pointer biex inaqqas id-distakk għal 24-20. Luxol irrispondew b’run ta’ 10-4 grazzi għal Caleb McCrary u Howard u Xuereb biex kabbru l-vantaġġ 41-28. Depiro għalqu t-taqsima b’punti minn Chase Barrs u Bugeja biex Luxol daħlu jistrieħu 41-32 minn fuq.

It-tielet taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata. Luxol bdew billi saħħew il-vantaġġ tagħhom b’run qasira ta’ 9-3 bill-punti ta’ Howard u Jandric flimkien ma’ trippla ta’ Xuereb għal skor ta’ 50-35. Depiro wieġbu bi trippli minn Cameron Cornelius u Bozovic biex naqqsu 53-43. Punti minn Xuereb u McCrary għalqu l-perjodu favur Luxol fuq skor ta’ 56-45.

Depiro fetħu l-aħħar perjodu b’run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Tomasi. Luxol għamlu sitt punti mingħar risposta qabel ma’ Depiro kellhom trippla oħra minn Cornelius u l-punti ta’ Chase Barrs. L-aħħar sforz ta’ Depiro wassalhom sa ħames punti ‘l bogħod 63-68 fit-tmien minuta, però żewġ trippli oħra minn Jandric u Howard reġgħu taw vantaġġ ta’ disa’ punti lill-vjola tal-Luxol li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 78-69.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 27, E. Caruana Montaldo, A. Azzopardi, I. Azzopardi, V. Jandric 14, JP Schembri, N. Xuereb 12, P. Engelbert, N. Bukva, C. McCrary 23, M. Matijevic, S. Cappello 2.

Sigma Depiro: C. Barrs 11, S. Galea 3. D. Bugeja 15, N. Bozovic 10, L. Stefanovic 12, A. Trapani, D. Tomasi 7, S. Kenely, M. Brincat 5, C. Cornelius 14, M. Debattista.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Fanni Fabok.