Colin Schembri
Caffè Moak Luxol………………67
Bettson Depiro………………….56
(20-14)(12-14)(19-17)(16-11)
Caffé Moak Luxol kisbu d-dritt li jiddefendu l-unur tal-John Tabone Shield meta fl-ewwel semifinali għelbu lil Bettson Depiro 67-56. Luxol kienu fil-kontroll tul il-partita kollha hekk kif għall-aktar minn 38 minuta huma kienu minn fuq. Kien biss fil-bidu tat-tielet sessjoni li Depiro marru minn fuq wara sitt punti mingħajr risposta.
Depiro ħassew ferm in-nuqqas tal-Amerikana Jensen Ceretti hekk kif kienu wkoll mingħajr Nicole Agius. Luxol li matul il-ġimgħa tilfu lil Jada Said b’injury f’partita tal-juniors, inkludew għall-ewwel darba fil-line up tagħhom lil Hayley Galea u Rebecca Fenech Pace hekk kif kienu mingħajr Nolene Vella u Josephine Diaby.
Luxol ħarġu b’pass mgħaġġel u bdew b’run inizjali ta’ 7-0 grazzi għal Brandi Huffhines li kellha trippla u basket ta’ Sarah Pace, li bdew jikkapitalizzaw fuq turnovers. Depiro irrispondew b’punti ta’ Claire Ciantar u Julia Borg Xerri biex naqqsu d-distakk għal 9-8. Madankollu, Luxol żiedu l-vantaġġ b’runs frekwenti ta’ Sarah u Anna Fenech Pace u Huffhines, u għalqu s-sessjoni fuq 20-14.
Fit-tieni perjodu, Depiro bdew tajjeb grazzi għal Kristy Galea u Neve Borg, li għamlu run ta’ 10-5 biex naqqsu d-distakk għal punt 25-24. Luxol wieġbu bi trippli ta’ Huffhines u Vanya Baldacchino u rnexxielhom ikabbru l-vantaġġ u minkejja li Depiro żammew pressjoni, il-perjodu ntemm b’Luxol fuq quddiem 32-28.
Wara l-intervall, Depiro għamlu sitt punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Galea biex marru basket minn fuq 34-32. Luxol malajr irrispondew bi break ta’ 9-2 b’punti ta’ Pace u Huffhines flimkien ma’ Lisa Fenech Pace. Depiro, bi trippla oħra ta’ Galea u punti minn Julia Borg u Ciantar, irnexxielhom jersqu eqreb, iżda Luxol għamlu l-aħħar 4 punti biex baqgħu fuq quddiem fuq 51-45 sa tmiem il-perjodu.
Fl-aħħar sessjoni, Luxol żammew sod minkejja l-pressjoni minn Depiro. Baskets ta’ Galea u Borg Xerri flimkien ma’ trippla ta’ Julia Borg wasslu lil Depiro 4 punti taħt l-avversarji 54-58. Hawn però Luxol għamlu reazzjoni b’run finali ta’ 9-1 li għalqet il-logħba fuq skor ta’ 67-56 favurhom u qatgħu passaġġ għall-finali tal-Ħadd li ġej.
Caffè Moak Luxol: S. Pace 14, L. Fenech Pace 9, M. Marmara, H. Galea, E. Abela 2, S. Fenech Pace 13, B. Huffhines 21, V. Baldacchino 3, S. Sciberras 2, R. Fenech Pace, A. Fenech Pace 3.
Bettson Depiro: J Borg Xerri 13, J. Magri, J. Mallia 2, L. Sciberras 2, C. Ciantar 6, J. Borg 13, M. Micallef, N. Borg 1, K. Galea 19, H. Farag.
Referees: Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia
Hibernians…………………61
Starlites JSD………………53
(16-18)(15-8)(17-23)(13-4)
Se jkunu Hibernians it-tieni finalisti tal-John Tabone Shield wara li fit-tieni semifinali għelbu lil Starlites JSD 61-53. Kienet l-ewwel dehra tal-players Andie Saliba, Maria Bonett u Steffi De Martino kontra l-eks skwadra tagħhom.
Il-partita ħadet żvolta deċiżiva fl-aħħar sessjoni fejn fit-tieni minuta Starlites kienu basket minn fuq però sofrew run deċisiva minn hemm ‘l quddiem. Starlites irkupraw lil Fanni Fabok u Christina Curmi u kienet nieqsa Mariah Fenech.
Wara li Hibs fetħu l-partita bil-punti tal-Amerikana Mikayla Brandon, Starlites kellhom risposta permezz ta’ Makaila Napoleon fi break qasir ta’ 6-1. Hibernians irrispondew permezz ta’ trippla ta’ Brandon u punti ta’ De Martino u Bonett.Starlites komplew iżommu l-vantaġġ tagħhom wara punti minn Sasha Lecuyer u Mikela Riolo għal skor ta’ 16-18.
Fit-tieni perjodu, wara basket minn Napoleon għal Starlites, Hibernians dawru l-partita favurhom hekk kif għamlu run ta’ 13-3 immexxija minn De Martino, Bonett biex fis-seba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 29-23. Starlites għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Catherine Cilia u Michela Zammit Cordina, però kienu Hibs li għalqu t-taqsima fil-vantaġġ 31-26.
Wara l-mistrieħ, Starlites taw reazzjoni immedjata hekk kif bdew bi break ta’ 11-0 fejn fost l-oħrajn kellhom it-trippli ta’ Lecuyer u żiolo u poġġewhom fil-vantaġġ 39-37. Hibernians irrispondew bi 8 punti mingħajr risposta minn Jasmine Abela, ’ Bonett u De Martino. Lecuyer kisbet ħames punti oħra qabel ma fl-aħħar erba’ minuti ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għal skor ta’ 49-48.
Fl-aħħar perjodu, Hibernians ħadu l-kontroll tal-logħba u wara basket fuq kull naħa minn Brandon u Cilia, waslet ir-run deċiżiva ta’ 11-1 minn Hibs li tathom ir-rebħa. Hawn kien hawn sensiela ta’ free-throws minn Bonett, De Martio u Saliba hekk kif Hibernians urew konsistenza u kontroll fl-aħħar perjodu, li żammet lil Starlites milli jagħmlu reazzjoni finali, u hekk assiguraw ir-rebħa tagħhom fuq skor ta’ 61-53.
Hibernians: M. Brandon 18, E. Farrugia, S. Vella, E. Cassar, A. Saliba 6, J. Abela 2, M. Bonett 14, S. De Martino 21, K. Calleja, N. Farrugia, K. Caruana, A. Mallia.
Starlites JSD: S. Lecuyer 13, M. Riolo 9, C. Cilia 9. P. Riolo, M. Zammit Cordina 6, C. Vella, E. Degiorgio, M. Napoleon 13, M. Sciberras,F. Fabok, Y. Ferrando 1, C. Curmi.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu.
//= $special ?>