Internazzjonali

L-Elezzjonijiet fil-Litwanja: Stennija għar-riżultat tat-tieni rawnd deċiżiv…

Ingrida Simonyte

Il-poplu fil-Litwanja vvota fit-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjonijiet parlamentari – bil-Partit Konservattiv fil-Gvern għad għandu ċ-ċans għal rebħa minkejja li l-Oppożizzjoni tax-xellug għamlet kisbiet notevoli waqt l-ewwel rawnd tal-proċess. Ir-riżultati minn Vilnius mistennija li jidħlu aktar tard matul il-lejl.

Ir-regoli stretti imposti fuq il-poplu waqt il-pandemija tal-Covid, l-iskandli politiċi u l-influss tal-immigranti mill-Belarus (viċin tal-Litwanja) kollha servew biex inaqqsu mill-popolarità tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Ingrida Simonyte (ritratt) wara li kien ħa l-poter fl-2020. 

Il-vot fil-Litwanja – li anki qed taqsam fruntiera mar-Russja – sar fi żmien meta l-gwerra tal-qawwiet Russi fl-artijiet tal-Ukrajna qed tixpruna dejjem aktar inkwiet dwar l-intenzjonijiet ta’ Moska fir-rigward tal-Baltiċi – reġjun strateġiku u sinifikattiv ħafna u li l-Litwanja, l-istess bħal-Latvja u l-Estonja, jifforma parti minnu bħala Stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Ir-riżultat tal-elezzjoni għandu jiffissa l-aġenda politika tal-Litwani għall-erba’ snin li jmiss, iżda minkejja l-probabbiltà ta’ bidliet favorevoli lejn ix-xellug, l-analisti jaqblu li l-ebda riżultat ma għandu jfisser il-bidliet sinifikanti għall-politika barranija tal-Gvern Litwan.