Internazzjonali

L-Iran: Ma jridux jikkommettu ruħhom wara l-attakki ta’ Iżrael

L-Ayatollah Ali Khameni, il-Mexxej Suprem tal-Iran, qed jadotta pożizzjoni kawta wara l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa mill-qawwiet Iżraeljani fuq pajjiżu. Sadanittant,  hemm ukoll il-possibbiltà li l-Iran qed jiżen ir-reazzjoni għall-attakki li seħħew b’ritaljazzjoni għall-isparar, ġimgħat ilu, tal-għexieren tal-missili mill-militar Iranjan lejn l-ibliet tal-Iżraeljani.

Khamenei, fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-attakki tal-Iżraeljani, qal li l-azzjonijiet ta’ Iżrael ‘la jridu jkunu esaġerati u lanqas imminimizzati’, Hu irrefera għal Iżrael bħala ‘pajjiż malinn’ u ħeġġeġ biex l-Iranjani kollha jifhmu li pajjiżhom se jibqa’ b’saħħtu u kapaċi  li jikkontrolla kwalunkwe sitwazzjoni, fost il-kriżi kbira li qed taffettwa lil-Lvant Nofsani kollu.

Intant, Khamenei ma sejjaħx għal ritaljazzjoni fil-konfront ta’ Iżrael u meta l-Punent, fosthom l-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit flimkien ma’ diversi  pajjiżi Għarab, inkluża l-Arabja Sawdija, qed isejħu għal de-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni perikoluża li kapaċi tifta’ lir-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani fl-eqqel ta’ konflitt qalil u totali.

Sadanittant, il-militar Iranjan qal li kwalunkwe waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza u l-Libanu hu aktar importanti minn xi ritaljazzjoni kontra Iżrael. Madankollu, hu anki minnu li l-uffiċjali Iranjani sostnew li huma jirriservaw id-dritt għal tweġiba fiċ-ċirkustanzi.

Dan ukoll meta Iżrael, fil-preżent, mhu qed juri l-ebda inklinazzjoni li jwaqqaf l-attakki fuq it-terroristi Palestinjani tal-Ħamas f’Gaza, inkella fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu – gruppi ta’ avversarji li mhuma alleati kbar tal-Iran, li jibqa’ l-għadu Numru Wieħed tal-Iżraeljani.

L-Istati Uniti,  sadanittant, qed issegwi s-sitwazzjoni bir-reqqa – u mhux bi ftit tat-tħassib.

Il-Viċi President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, ħeġġet biex jibirdu l-irjus fil-Lvant Nofsani u biex ma jeskalawx l-azzjonijiet militari f’dak ir-reġjun, Il-Viċi President qalet li l-Istati Uniti temmen li l-Iran m’għandux ikun ta’ theddida kontinwa għall-Istati l-oħrajn fil-Lvant Nofsani u għamlitha ċara li l-Istati Uniti dejjem se tiddefendi lill-Iżraeljani minn kwalunkwe attakki militari min-naħa tar-reġim Iżlamiku f’Tehran,