Ħaddiem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie mixli li nhar is-Sibt għamel theddida ta’ bomba li ħarbtet is-servizz tal-vapuri tal-Gozo Channel. Marvin Tabone ta’ 43 sena mill-Imqabba wieġeb mhux ħati ta’ sensiela ta’ akkużi fosthom li kkawża biża’ ta’ vjolenza, użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika u rrapporta volontarjament u falz it-twettiq ta’ reat.
Huwa ġie mixli wkoll li wettaq reat li kellu d-dmir li jipprevjeni. Tabone jinsab akkużat li kien wara theddida ta’ bomba li saret is-Sibt wara nofsinhar, inqas minn ġurnata wara li theddida simili waqqfet il-vapur t’Għawdex għal diversi sigħat il-Ġimgħa filgħaxija.
Il-Pulizija kontra t-terroriżmu rċeviet telefonata mid-distrett tal-Pulizija tal-Qawra dwar theddid bit-telefon li għamel raġel li ċempel lill-Gozo Channel għall-ħabta tat-3pm tas-Sibt. Dawk it-telefonati qajmu paniku u kommossjoni kemm fiċ-Ċirkewwa kif ukoll ġewwa l-Imġarr.
Wieħed mill-uffiċjali tal-prosekuzzjoni li kien xogħol is-Sibt, qal li t-telefonati qajmu “paniku kbir.” Fost il-passiġġieri li qed jistennew biex jitilgħu fuq il-vapuri kien hemm turisti u pazjenti li sejrin lura d-dar wara sessjonijiet ta’ kimoterapija fl-Isptar Mater Dei, huwa spjega.
Il-biża’ tal-bomba kellha impatt negattiv ukoll fuq in-negozji Għawdxin fil-lejl impenjattiv tas-Sibt. Il-Pulizija rnexxielha tintraċċa n-numru tat-telefon użat minn min iċempel, li wassalhom għal Tabone. Fi żmien sagħtejn u nofs mit-telefonata, il-pulizija daħlu fid-dar tiegħu fl-Imqabba.
Tabone ma kienx id-dar, iżda l-pulizija lemħuh ħiereġ mill-knisja fejn kien għadu kif attenda għall-griżma ta’ ibnu. Tabone inizjalment kien “fi stat ta’ xokk” iżda għadda l-mobile tiegħu lill-pulizija, flimkien ma’ struzzjonijiet dwar kif jinfetaħ.
Huwa nħeles u tħalla jattendi għall-ikla ta’ ta’ ibnu wara l-griżma. Meta l-investigaturi ċċekkjaw il-mobile ta’ Tabone, is-suspett oriġinali tagħhom inbidel f’suspett raġonevoli li kien wara d-delitt. Madankollu, meta aktar tard dakinhar filgħaxija saret tfittxija taħt mandat maġisterjali, il-mobile li minnu saru t-telefonati ta’ theddid ma nstabx.
Il-Pulizija sabu biss kaxxa vojta tal-apparat fid-dar ta’ Tabone. Ġiet oġġezzjonata talba għal libertà proviżorja fid-dawl ta’ dak il-fatt kif ukoll il-fatt li xhieda ċivili kienu għad iridu jixhdu. L-avukat difensur Franco Debono irribatta li għalkemm dan il-każ qajjem allarm, l-imputat ma kienx qed iwieġeb ħati.
“Ma jistax jirreġistra ammissjoni għax qed jgħid ‘mhux jien’.” Ma kienx hemm biċċa evidenza li torbot lill-imputat ma’ dawk it-telefonati, sostna Dr. Debono. Qal li l-klijent tiegħu kien raġel tal-familja b’impjieg stabbli u l-kondotta kważi mhux imċappsa.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda biża reali li ma setgħetx tiġi newtralizzata b’kundizzjonijiet adegwati ta’ pleġġ. Tabone ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €3,000, jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u taħt ordnijiet stretti biex ma javviċinax xhieda tal-prosekuzzjoni, partikolarment dawk imsemmija fid-digriet tal-pleġġ.
L-Ispetturi Zachary Zammit, Mohammed Shurrab, Keith Xerri u Italo Mizzi mexxew il-prosekuzjoni. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit kienu l-avukati difensuri.