Illum il-Moviment Graffitti qiegħed iwettaq azzjoni diretta waqt id-diskors tal-Budget.
Bħalissa pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Interessi qawwijin ħatfu l-politika u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Il-konsegwenza ta’ dan huwa ħerba ma tiqafx fl-ambjent u fl-ippjanar li qiegħda twassal għal ħafna tbatija u thedded il-futur tagħna u ta’ wliedna fuq dawn il-gżejjer.
Nistgħu nġibu elf eżempju ta’ kif is-saltna tal-iżviluppaturi ħakmet lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Gvern. Riforma mill-iktar bażika u ovvja fl-appelli tal-ippjanar – biex ma jitħallewx jitilgħu binjiet meta ma jkunx hemm permess definittiv – baqgħet ma saritx minkejja ħafna wegħdiet. Viżibilju ta’ strutturi illegali – mill-pixxini fl-ODZ tal-Qala, appartamenti fis-Sannat, binjiet sħaħ f’Birżebbuġa, u ħafna oħrajn – laħqu telgħu u tħallew hemm.
Mhux biss. L-Awtorità tal-Ippjanar remiet mit-tieqa s-saltna tad-dritt u tmejlet bil-Qrati meta ħarġet permessi għal binjiet li kienu ġew dikjarati illegali.
Imbagħad iċ-ċirasa fuq il-kejk.
Wara snin twal fejn il-karba ta’ eluf ta’ residenti madwar Malta u Għawdex biex jinbidlu r-regoli fl-ippjanar ġiet injorata, il-Gvern fl-aħħar iddeċieda li jibdel parti minn dawn ir-regoli.
Imma għall-benefiċċju ta’ min? Tar-residenti? Tal-kwalità tal-ħajja? Tal-ambjent?
Le.
Għall-benefiċċju tal-iżviluppatur Anton Camilleri “Tal-Franċiż” u l-mostrożità tiegħu f’Villa Rosa.
L-istrateġija tagħhom issa drajnieha. Meta jafu li għandhom il-faħam miblul, jinjorawna. Ma jiddiskutux magħna u ma jindirizzawx dak li qed ngħidu, kif proprju qegħdin jagħmlu bħalissa.
Iżda aħna mhux lesti ngħixu taħt id-dittatorjat tal-iżviluppaturi u naraw lil pajjiżna jinqered mir-regħba.
Mhux se nħallukom tinjorawna.
Il-ġlieda tkompli.
//= $special ?>