Budget 2025 Lokali

BUDGET 2025: Ebda pjan ekonomiku fit-tul u ebda soluzzjonijiet

Budget ieħor fejn il-Gvern ta’ Robert Abela kompla jinjora l-għajta tal-korpi kostitwiti u tal-Partit Nazzjonalista hekk kif għal sena oħra l-COLA se tkun intaxxata.

Iż-żieda li ħabbar il-Gvern se tkun ta’ €5.24 fil-ġimgħa.

Iżda din ma kinitx l-aħbar tal-ġurnata.

Fil-Parlament, kienu l-protesti li serqu x-xena. Bil-Moviment Graffiti jiftaħ banner… u jgħajjat slogans bħal ‘Gvern Maħkum mill-Iżviluppaturi’.

Wara li ġie interrott, il-Ministru reġa’ beda mill-ġdid.

U fid-diskors tiegħu, il-Ministru ma ħabbar l-ebda skejjel ġodda, ebda pjan għall-pajjiż, ebda viżjoni ekonomika, ebda pjan għall-qtugħ tad-dawl.

Clyde Caruana ħabbar li se jżomm is-sussidji tal-enerġija filwaqt dawk kollha li twieldu mill-1976 ‘il quddiem se jkollhom jaħdmu sena oħra għall-pensjoni. U allura, dan ifisser li issa l-perjodu stipulat ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa jew akkreditati se jkunu ta’ 42 sena minflok 41 sena.

F’dan il-budget tħabbar kif it-taxxa fuq id-dħul se titnaqqas hekk kif issa, għal persuni waħedhom id-dħul mhux taxxabbli se jilħaq it-€12,000 għal min jagħmel komputazzjoni ta’ single. Dan filwaqt li r-rata ta’ 15 fil-mija se tkun applikabbli bejn it-€12,000 u s-€16,000. Imbagħad bejn is-€16,000 u s-€60,000 se jkun 25%. Id-dħul ‘il fuq minn €60,000 se jibqa’ bil-35%.

Iż-żieda fiċ-Children’s Allowances se tkun ta’ €250 għal kull wild irrispettivament mid-dħul tal-familja.

Fil-Budget, il-Ministru Clyde Caruana ma qal xejn dwar id-dejn li għandu pajjiżna għajr għal attakki partiġjani. Dan meta d-dejn ta’ pajjiżna din is-sena qabeż l-€10 biljun li huwa ammont rekord u kollox qed jindika li d-dejn se jlaħħaq €11-il biljun sal-aħħar tas-sena.