Budget 2025 Lokali

“Budget biex Robert Abela jsalva ġildu” – Bernard Grech

“Dan il-budget m’offra l-ebda soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni barra l-Parlament wara d-diskors tal-budget.

F’kummenti mal-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’dan il-budget il-Gvern ta’ Robert Abela fl-ebda mument ma indirizza l-kriżi tal-qtugħ tad-dawl, id-drenaġġ fil-baħar, l-infrastruttura fost affarijiet oħra. Huwa qal li dawn il-problemi infrastrutturali qed iħallu impatt fuq l-anzjani, iż-żgħażagħ, it-tfal, il-familji kif ukoll fuq dawk li qed jinvestu f’pajjiżna.

Bernard Grech qal li f’dan il-budget deher biċ-ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx jinvesti f’pajjiżna għaliex fil-budget ma kienx hemm proposti li jindirizzaw it-traffiku, id-dewmien fis-servizz tas-saħħa, il-problemi tad-drenaġġ, fost affarijiet oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela injora l-appelli tal-korpi kostitwiti b’rabta mal-importanza li pajjiżna jkollu viżjoni u direzzjoni ċara.

Intant, Bernard Grech qal li f’dan il-budget il-Gvern ta’ Robert Abela ammetta li ma jafx kif se jsolvi l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna iżda fl-istess waqt huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jikkonsulta bil-għan li Gvern ġdid Nazzjonalista jmexxi lil pajjiżna ‘l quddiem.