Budget ta’ 108 paġni u li fih fl-ebda ħin ma semma’ l-kelma Università.
Dan wara li fl-aħħar jiem il-Ministru Clyde Caruana ħareġ jattakka lill-Univerità ta’ Malta… fejn appella lill-amministrazzjoni u l-letturi li jaħdmu f’din l-istituzzjoni biex ixammru l-kmiem u jiġġeneraw aktar dħul finanzjarju.
Fil-budget, ma tidher imkien ukoll il-kelma MCAST; dan minkejja li l-ftehim kollettiv ta’ dawn il-letturi ilu kważi tliet snin li skada. Turija ċara ta’ Gvern li jgħid li qed jinvesti fis-settur tal-edukazzjoni, però nesa lill-akbar żewġ istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna.
Dwar il-fatt li f’sena skolastika waħda irriżejaw 124 għalliem, il-Ministru Caruana qal biss li se jkun qed jinħoloq mekkaniżmu ta’ appoġġ aktar b’saħħtu għall-edukaturi li jżid il-livell ta’ sodisfazzjon fil-post tax-xogħol u sens akbar ta’ benesseri.
Il-Budget se jkompli jagħti allowance lil dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom ikomplu bl-edukazzjoni post sekondarja.
Iżda ma jsemmi xejn dwar skejjel ġodda. Apparti li se jsir modernizzar u manutenzjoni fuq aktar minn 100 skola – għalkemm anke hawn, il-Gvern diġà falla. Tant li fl-iskola ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi, ir-rinnovar li sar huwa minimu u ma jissodisfax il-ħteġijiet serji li għandha l-iskola. Filwaqt li fl-iskola tal-Mosta, il-fażijiet preliminari għadhom lura ħafna.
Caruana semma’ wkoll proġett ieħor li skont hu bbenefikaw minnu l-istudenti u dan huwa l-One Device Per Child. Fatt interessanti huwa li din il-wegħda ma twettqitx fl-intier tagħha – tant li f’Mistoqsija Parlamentari, il-Gvern qiegħed jikkommetti ruħu li matul din is-sena skolastika jrid iqassam laptop ġdid lit-tfal kollha tal-Year 7 u tal-Year 8 għax baqgħu qatt ma ħaduh.
//= $special ?>